Il-mitra, l-istola u l-bibbja fuq it-tebut tal-prinċep tal-Knisja, il-Kardinal Prospero Grech.
Il-Ħamis wara nofsinhar il-Kardinal Prospero Grech ingħata l-aħħar tislima ġewwa l-Katidral tal-Imdina.
Il-Kardinal li ħalla din id-dinja t-Tnejn tletin ta’ Diċembru f’Ruma indifen f’Malta wara li l-ġimgħa l-oħra sar ir-rit tar-rogito fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Dakinhar il-Papa wkoll ta s-sehem f’dan ir-rit tal-mewt tal-Kardinal.
Intant il-Ħamis wara nofsinhar f’quddiesa konċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna, mijiet ta’ nies attendew sabiex jiċċelebraw ħajjet il-Kardinal li kien magħruf għall-umiltà tiegħu.
Fl-omelija tiegħu Monsinjur Scicluna rrimarka għat-tjubija li wera tul l-ħajtu l-Patri Agostinjan.
“Il-fatt li hu kien kapaċi jitkellem b’awtoritá. Awtoritá ta’ min jitkellem mill-qalb. Anke kummment ċkejken tiegħu xi kultant b’xi kritika ħelwa li tolqtok bħal-żiffa u tibqa’ għaddejjha.”
Spjega wkoll kif il-Kardinal Malti wera determinazzjoni liema bħala matul ħajtu.
“Prospero ma twelidx għaref imma sar għaref u kellu l-għerf tassew ta’ min jaf li biex tkun għaref trid titgħallem u taqdef u tistinka.”
Ma naqsux ukoll anedotti dwar il-Kardinal li tant kien magħruf kemm ħabb lill-Knisja.
“M’ilux il-Kardinal Ladaya fakkarni li darba minnhom il-Kardinal kien qed jaqsam il-pjazza San Pietru u ltaqa’ mal-Kardinal Prospero u qallu “Emminenza”, u l-Kardinal Prospero, tipikament Prospero qallu, “ Ma non dire parolacce.”
Għall-funeral attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Intant fil-jum li fih il-Gvern Malti ddikjara jum ta’ luttu nazzjonali, il-korteo bit-tebut tal-Kardinal beda propju tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Katidral.
Fil-Knisja ta’ San Mark, biswit il-Kunvent tal-Agostinjani, it-tebut ta’ Prospero Grech ittieħed lejn l-Imdina fejn daħal mid-daħla ewlenija tal-belt is-siekta.
Malli ntemm il-funeral it-tebut tal-Kardinal ittieħed għal difna privata fil-qabar tal-Agostinjani fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.