Il-Vatikan ħabbar li l-Kardinal Giovanni Angelo Becciu, il-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin irriżenja mill-kariga bla mistenni.
Huwa ħadem ukoll bħala t-tieni l-aktar uffiċjal għoli fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan u huwa d-Delegat Speċjali għall-Ordni ta’ San Ġwann.
Fi stqarrija maħruġa mis-Santa Sede intqal li l-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja, madanakollu ma tatx aktar dettalji.
Il-Kardinal Becciu kien involut fi ftehim kontroversjali biex tinxtara binja lussuż f’Londra bħala investiment bil-fondi tal-Knisja. Ftehim li bħalissa jinsab taħt il-lenti t’investigazzjoni finanzjarja.
Becciu li sar Kardinal sentejn ilu, se jibqa’ Kardinal iżda mhux se jkun jista’ jivvota fil-konklavi li jmiss.