Il-Kardinal kontroversjali George Pell kien kiteb memorandum anonimu fejn ikkritika t-tmexxija tal-Papa u ddeskriviha bħala “katastrofi”.
Il-Kardinal Awstraljan, li miet nhar it-Tlieta fl-eta’ ta’ 81 sena, kien wieħed mill-ogħla assistenti tal-Papa Franġisku sakemm kellu jwarrab biex jiffaċċja akkużi ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal.
Il-memo ġie ppubblikat fuq sit tal-blog tal-Vatikan taħt isem fittizju, is-sena l-oħra. Il-ġurnalist Taljan Sandro Magister, li oriġinarjament ippublika l-memo, ilbieraħ qal lil Reuters li l-Kardinal Pell “ried li jippubblika” dawn id-dikjarazzjonijiet.
Pell iddettalja dak li qies li kienu fallimenti tal-Papa attwali u lista ta’ prijoritajiet għall-għażla ta’ dak li jmiss. Fil-memo li kienet anonima, kiteb li “Kristu qed jiġi mneħħi miċ-ċentru” tal-Knisja taħt il-Papa Franġisku, u li l-prestiġju politiku tal-Vatikan kien waqa’ għal livell baxx taħt il-mandat tiegħu.
“Kummentaturi ta’ kull opinjoni, anke jekk għal raġunijiet differenti… jaqblu li dan il-pontifikat huwa diżastru f’ħafna aspetti; katastrofi,” tgħid il-memo.
Jgħid li d-deċiżjonijiet u l-politika tal-Papa Franġisku ħafna drabi kienu “politikament korretti”, imma akkużah li baqa’ sieket fuq kwistjonijiet morali – bħad-drittijiet tal-bniedem f’Hong Kong u ċ-Ċina kontinentali u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.