Fl-2020, Papa Franġisku kien ordna lill-Kardinal Giovanni Angelo Becciu sabiex jirrinunzja d-drittijiet u l-privileġġi ta’ kardinal wara li kien involut fi skandlu finanzjarju fil-Vatikan.
Il-Kardinal ta’ Sardinja Becciu, dak iż-żmien kien wieħed mill-aktar figuri prominenti u b’saħħithom fil-Vatikan hekk kif kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ sostitut tas-Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, ekwivalenti għall-pożizzjoni ta’ Chief of Staff tal-Papa.
Becciu instab ħati ta’ serq u frodi fl-2023 u ingħata sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs li jagħmlu l-ewwel kardinal ikkundannat mill-Qorti Kriminali tal-Vatikan.
L-investigazzjoni fuq Becciu kienet tikkonċentra fuq l-investiment diżastruż ta’ propjeta f’Londra li rat lill-Knisja titlef għexieren ta’ miljuni ta’ dollari.
Iżda l-Kardinal dejjem insista li kien innoċenti fejn bħalissa qed jistenna r-riżultat tal-appell. Sakemm id-deċiżjoni tkun finali għadu jista’ jibqa’ jgħix fl-appartament tiegħu fil-Vatikan.
Matul il-Papat tiegħu, Papa Franġisku għamel minn kollox biex inaddaf il-finanzi tal-Vatikan u biddel il-liġi sabiex jassigura li Becciu, bħala kardinal, seta’ jkun iġġudikat minn tribunal tal-Vatikan.
Filwaqt li l-uffiċċju stampa tas-Santa Sede niżżel ismu bħala wieħed li ma jistax jieħu sehem fl-elezzjoni għall-Papa li jmiss, Becciu nhar it-Tlieta, waqt li kien qed jitkellem mal-midja ta’ Sardinja, qal li ma kien hemm l-ebda sejħa espliċita biex ikun eskluż mill-Konklavi jew rikjesta espliċita bil-kitba sabiex jirrinunċja.
Għalkemm Becciu tilef il-privileġġi u d-drittijiet tiegħu bħala kardinal, teknikament qatt ma kien imneħħi mill-Kulleġġ tal-Kardinali u għalhekk għadu jista’ jipparteċipa fid-diskussjonijiet li se jwasslu għall-Konklavi.
Id-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tiegħu wisq probabbli se tkun meħuda mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, Giovanni Battista Re u l-Kardinal Pietro Parolin li se jkun qed jippresidi fuq il-proċeduri tal-Konklavi fil-Kappella Sistina.