Għada se jkun qed jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’pajjiżna l-Kaptan Ġermaniż tal-bastiment MV Lifeline.
Claus Peter Reisch, ta’ 57 sena minn Munich, bħalissa qed jgħix fuq l-MV Lifeline fix-xatt tal-Isla.
Dan wara li ngħata l-police bail bil-kundizzjoni li ma jinżilx minn fuq il-bastiment. Fl-istess ħin il-bastiment jinsab maqbud u ma jistax iħalli Malta għax l-operat tiegħu qed ikun investigat mill-awtoritajiet Maltin.
Dan kollu seħħ wara li fl-aħħar jiem l-MV Lifeline injora l-ordnijiet tal-Gvern Taljan li l-gwardji tal-kosta Libjana jmorru għal iktar minn 200 immigrant li kienu fiż-żona Libjana ta’ tiftix u salvtaġġ.
Minflok dan il-bastiment mar u għabba l-immigranti biex eventwalment il-każ żviluppa f’wieħed ikkumplikat u biex l-affarijiet jikkumplikaw iktar irwieħhom tul l-investigazzjonijiet sar magħruf li l-bastiment għandu problem bir-reġistrazzjoni tiegħu.
L-għemil tal-kaptan wassal għal kriżi li seta’ kellha konsegwenzi ferm iktar koroh li kieku ma kienx hemm intervent diplomatiku f’waqtu tal-Prim Ministru Malti, Joseph Muscat. Dan l-intervent wassal biex disa’ pajjiżi għażlu li jieħdu numru mill-immigranti li għandhom dritt għall-ażil.
Dan wara li jintemm proċess li għaddej bħalissa. Imkejjen viċin il-Korp tal-Pulizija mhux biss ikkonfermaw li l-Kaptan se jidher il-Qorti għada iżda indikaw liema partijiet tal-liġi jista’ jkun qed jitressaq bihom.
Fost oħrajn issemma magħna l-Att dwar Portijiet u Bastimenti li jgħid li l-ebda dgħajsa jew bastiment m’għandhom jintużaw fl-ibħra territorjali jew interni ta’ Malta, jekk dik id-dgħajsa jew bastiment ma jkunux reġistrati mal-Awtorità f’Reġistru għal Bastimenti Żgħar imwaqqaf skont regolamenti magħmula taħt din il-liġi.
Persuna li tinstab ħatja tista’ teħel mhux iżjed minn €11,600 jew priġunerija ta’ mhux iżjed minn 12-il xahar.
Hemm ukoll akkużi taħt il-kodiċi kriminali li jistgħu jwasslu biex tkun ikkonfiskata d-dgħajsa.