Luke Seguna ta’ disgħa u tletin sena, li huwa wkoll il-kappillan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk wieġeb mhux ħati meta ttella’ l-Qorti mixli b’miżapproprijazzjoni, ħasil ta’ flus, frodi kif ukoll falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Hekk kif daħal fl-awla, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet infurmata li l-imputat ma kienx qed iħossu sew u saħansitra kellha tintalab l-għajnuna ta’ tabib sabiex jeżamina lill-akkużat fil-Qorti stess.
Sadanittant, sakemm wasal it-tabib fl-awla, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba biża ta’ intralċ ta’ provi hekk kif hemm numru ta’ parruċċani li allegatament taw flus f’donazzjonijiet lill-imputat.
Hawnhekk intqal li l-irwol ta’ Seguna fil-komunità jirrikjedi rabtiet li ġew deskritti bħala inkredibbli.
Kien f’dan il-mument li l-Avukati tad-Difiża Matthew Xuereb u José Herrera sostnew li l-parruċċani għandhom raġuni jafdaw lill-imputat hekk kif għamel diversi atti ta’ providenza magħhom.
Id-difiża rrimarkat ukoll li minkejja li l-imputat tressaq il-Qorti, ma tressaqx għaliex xi ħadd għamel rapport lill-pulizija fil-konfront tiegħu.
Meta mistoqsija, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ jitratta mija u għoxrin persuna u nofs miljun ewro.
Fl-argument tagħha d-difiża stqarret ukoll li l-imputat bħalissa jinsab taħt moniteraġġ hekk kif huwa pazjent tal-kanċer kif ukoll għamlet referenza għall-fatt li jagħlaq għeluq sninu propju l-għada li tressaq il-Qorti.
Wara li semgħet l-argumenti tad-difiża u l-prosekuzzjoni, l-imputat informa lill-Qorti li l-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar u hawnhekk il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat ordni sabiex tissejjaħ ambulanza li ħadet lill-imputat l-isptar Mater Dei għal aktar kura.
Aktar tard, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi.
Mal-aħbar li l-Kappillan kien se jitressaq il-Qorti, il-kurja ħarġet stqarrija fejn qalet li s-Saċerdot tpoġġa fuq ‘administrative leave’ b’effett immedjat sakemm jibqgħu għaddejjin il-proċeduri.
Fl-istqarrija, il-Kurja żiedet tgħid li l-Arċidjoċesi offriet il‑koperazzjoni sħiħa tagħha lill‑awtoritajiet u se tfittex li tistabbilixxi jekk il‑kappillan mexiex ma’ policies dwar donazzjonijiet li huma diġà stabbiliti.