Fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, ġew inawgurati d-dwal u t-tiżjin tal-Milied mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, bħala parti mill-attivitajiet ta’ xahar sħiħ li qed jiġu organizzati bit-tema ‘Christmas in the Capital’.
Dawn jinkludu diversi attivitajiet ta’ kant, żfin u proġetazzjonijiet ta’ dawl li jkomplu jiġbdu lil aktar persuni jżuru l-kapitali matul dan iż-żmien festiv.
Fl-isfond ta’ diversi persuni li kienu qed jattendu fil-kapitali, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef, qal li d-dwal inxtegħlu għal darb’oħra din is-sena biex ifakkru fl-ispirtu tal-Milied u jinsab sodisfatt bid-dehra meraviljuża li qed joffru.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, stqarr li l-Milied ma jkunx komplut jekk ma tidħolx tgawdi fil-Belt Valletta.
“Din il-Belt kapitali ġojjell tal-Maltin u n-nies tħobbha. Din hi belt Barokka u wirt patrimonju dinji, li llum m’għadhiex iddominata mill-baħħ kif kienet sa ftit tas-snin ilu. Irrid nirringrazzja lill-maġġoranza tan-nies fin-negozju li jobdu u jirrispettaw il-liġi u r-residenti tagħna,” tenna Zammit, waqt li qal li, bħala parti mill-inforzar fil-kapitali, talab biex ikun hemm uffiċjali assenjati apposta.
Il-programm ta’ Christmas in the Capital huwa mimli b’avvenimenti mill-isbaħ għall-familja kollha u se jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru.
Aktar tagħrif jinsab hawn: