Lejlet vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia li ttieħed fil-Partit Nazzjonalista tliet snin ilu, fl-eqqel tal-kampanja tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista biex iwarrbuh minn Kap, wieħed mill-istrateġisti elwenin tal-kap attwali Bernard Grech kien għamilha ċara li l-kap tal-Partit kellu jikseb l-appoġġ ta’ mill-inqas 90 fil-mija tal-voti biex tassew ikollu l-kontroll fuq il-partit.
F’artiklu fil-faċċata ta’ quddiem tal-ħarġa tal-lum, jum wara li Bernard Grech kiseb l-appoġġ ta’ 72 fil-mija tal-kunsillieri kollha li kienu eliġibbli biex jagħtuh l-appoġġ tagħhom, il-gazzetta KullĦadd fakkret f’dikjarazzjoni li kien kiteb bl-iswed fuq l-abjad Jeremy Gingell, li flimkien mal-eks Chief of Staff tal-eks Ministru Nazzjonalist George Pullicino, Ray Bezzina, u s-sid tal-Lovin Malta, Chris Peregin, kien fost l-aktar li ħadmu mill-qrib mal-Kap Nazzjonalista kemm ilu fil-kariga. Gingell kien fakkar fit-Times of Malta f’kif, fl-2012, l-ex Kap Lawrence Gonzi kien qal li kien se jitlaq mit-tmexxija tal-partit jekk ma jġibx l-appoġġ ta’ 80 fl-mija l-Kunsill Ġenerali. Gonzi, li dakinhar ukoll kien ipparteċipa waħdu, kien ġab 96 fil-mija tal-voti.
Fir-rigward ta’ Adrian Delia, Gingell saħansitra kien stabbilixxa kejl ogħla meta ddikjara li “riżultat li jaqbeż id-90 fil-mija hu dak li Kap tal-Partit Nazzjonalista jaspira li jikseb jekk tassew irid li jkollu kontroll tal-Partit.” Minbarra hekk, kien ċar fi kliemu li, mingħajr dan il-vot, il-Kap ma kienx ikollu l-leġittimità biex ikompli.
Aktar kmieni din il-ġimgħa anki l-editorjal ta’ The Malta Independent ħareġ b’argument simili: “Sakemm Bernard Grech ma jġibx 90 fil-mija tal-voti, ma jkunx riżultat tajjeb”. L-editur ta’ The Malta Independent kompla jargumenta li, mingħajr l-appoġġ tal-membri tal-Kunsill Ġenerali għall-Kap, l-Oppożizzjoni kienet se tkun aktar dgħajfa.
Il-KullĦadd osservat li mhux normali li persentaġġ daqshekk għoli ma jappoġġjax lill-Kap meta dan ikun l-uniku żiemel fit-tiġrija. Dan apparti l-fatt li numru ieħor ta’ kunsillieri ma marrux jivvotaw. B’hekk, taraha minn fejn taraha, Grech falla t-test minkejja l-isforzi kollha li saru biex dan ma jkunx il-każ. Saħansitra, f’nofs elezzjoni u wara li kien diġà saret il-votazzjoni bikrija, it-Tnejn li għadda nbidlu r-regolamenti biex ippermettew li kunsillier seta’ jibgħat lil xi ħadd ieħor jivvota minfloku permezz ta’ vot bi prokura.
Din il-mossa qatt ma kienet seħħet qabel f’ebda elezzjoni oħra ta’ din l-iskala fil-PN u ġiet deskritta minn diversi attivisti tal-partit bħala deċiżjoni meħuda biex tintimida u thedded lil dawk il-kunsillieri li ma kinux biħsiebhom imorru jivvotaw.
Fl-aħħar ġimgħat saru wkoll numru kbir ta’ telefonati mid-Dar Ċentrali lill-kunsillieri biex imorru jivvotaw u l-midja tal-PN ma waqfitx tirrepeti l-istess messaġġ.
Waqt li miċ-ċifri tar-riżultati eskluda l-għadd kbir ta’ astensjonijiet, voti kontra, u voti invalidi, il-PN wera ruħu mill-ewwel sodisfatt bir-riżultat u interpretah bħala wieħed qawwi, anke jekk huma bosta anki fil-partit innifsu li qed jgħidu li huwa ċar li dan mhux il-każ.