L-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista żiedet bi 11% il-pagi tagħha tul is-sena li għaddiet. Dan jirriżulta minn analiżi li analisti finanzjarji għamlu tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali. L-analiżi kienet ippubblikata fil-gazzetta KullĦadd.
Dawn il-kontijiet kienu ppreżentati kważi xahrejn wara d-data stipulata bil-liġi tal-finanzjament tal-partiti u ġabu fix-xejn id-dikjarazzjonijiet li saru li l-qagħda finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista marret għall-aħjar fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u Rosette Thake.
Fil-fatt, l-ispiża tal-Partit Nazzjonalista s-sena li għaddiet splodiet u waħda mir-raġunijiet kienet iż-żieda fil-pagi ta’ dawk fil-qalba tal-partit. Pagi li ma jinkludux dawk impjegati mal-midja tal-partit, fejn hemmhekk is-sitwazzjoni baqgħet waħda ħażina. Ir-riżultati huma xhieda għaliex it-tmexxija ma riditx li l-kontijiet ikunu ppubblikati qabel l-elezzjoni ġenerali.
Minn €253,221 fl-2015 is-sena li għaddiet il-pagi tal-amministrazzjoni ċentrali tal-Partit Nazzjonalista telgħu għal €327,215.
Il-kontijiet pubbliċi tal-Partit Nazzjonalista jindikaw li din l-ispiża kienet fuq 14 -il persuna u fil-ġustifikazzjoni tagħhom qalu li ż-żieda kienet ġustifikata għaliex issaħħaħ ir-riżors uman peress li kienet qed toqrob l-elezzjoni ġenerali.Din hi żieda totali ta’ 29 %.
Però meta wieħed jikkunsidra li kien hemm żewġ impjegati iktar mill-2015 , l-analiżi li saret mill-gazzetta KullĦadd turi li ż-żieda kienet ta’ medja ta’ 11%. Dan ifisser li uffiċjali fil-qalba tal-Partit Nazzjonalista ħadu żieda medja ta’ €2,300 fis-sena. Naturalment din hi meta wieħed jaħdem il-medja u mhux eskluż li kien hemm min ħa żieda u minn ma ħa xejn u li ż-żieda ma kinetx ekwa għal kulħadd.
Saħansitra l-imkejjen tagħha li ġibdulna l-attenzjoni dwar dan, esprimew diżappunt għal kif f’sena li d-dejn tal-partit ra żieda ta’ tliet miljuni u ħames mitt elf ewro, l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista taw żieda lilhom infushom.
Mill-kontijiet ippreżentati, jirriżulta li s-sena li għaddiet il-Partit Nazzjonalista għamel telf ta’ €1,639,557. Dan b’kuntrast mal-Partit Laburista li kellu surplus ta’ €40,000.
Is-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista naqqas id-dħul b’madwar €44,000 meta fl-aħħar ta’ 12 -il xahar daħħal €1,398,852. Filwaqtli d-dħul naqas, l-ispiża żdiedet minn €8310,410 għal €1,106,775. B’hekk f’sena waħda kien hemm żieda fl-ispiża ta’ 33%.
Iżda, il-Partit Nazzjonalista kellu jagħmel tajjeb għat-telf ta’ €1.9 miljun li għamlet il-midja tal-Partit u għalhekk meta wieħed jikkunsidra kollox, isib li kien hemm telf u mhux qligħ kif qal Simon Busuttil fl-aħħar jiem.
Iktar analiżi dettaljata fil-gazzetta KullĦadd.