Fi stqarrija l-Kap tat-Taskforce taċ-CHOGM, Phyllis Muscat, qalet li se tkun qed tibda proceduri ta’ libell kontra l-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-istqarrija tgħid li b’segwitu tal-artiklu malafamanti u totalment qarrieqi, miktub minn Caruana Galizia bit-titlu “CHOGM 2015 task force led by PM’s friend Phyllis Muscat asked hotels for kickbacks on delegate bookings”, Muscat se tkun qed tibda proceduri ta’ libell kontra l-istess blogger.
Hi qalet li l-allegazzjoni li hi talbet xi hlas illecitu (kickback), meta kienet qed tmexxi c-CHOGM 2015; hija allegazzjoniji falza u malafamanti bil-għan li tagħmlilha ħsara lir-reputazzjoni tagħha, kif ukoll biex tħassar il-mod kif il-poplu jħares lejn ir-riżultati tajbin li nkisbu mic-CHOGM 2015.
Sostniet li dawk li ħadu sehem faħħru lil Malta għall-“ospitalità ġenwina” u talli laqgħet “avveniment organizzat b’mod brillanti”.
Muscat qalet li din l-istorja ffabrikata hija waħda minn sensiela ta’ stejjer foloz maħsubin biex jiġu mferrxa fil-pjattaformi l-oħra kollha tal-mezzi tax-xandir min nies oħra, bl-għan li jiġi mgħawweġ il-mod kif il-poplu jara l-fatti.
Spjegat kif din l-allegazzjoni hija fabbrikata u għal kollox mhux veritiera minħabba li l-kummissjoni fuq l-akkomodazzjoni tad-delegati kienet waħda uffiċjali u pagabbli direttament bi transfer bankarju fil-kont tal-Gvern mal-Bank Ċentrali, “u ebda persuna ma rċeviet jew għamlet xi gwadan personali. Temmet tgħid li din l’istess kummissjoni ġiet użata biex tittaffa parti mill-ispiża involuta biex jiġi milqugħ dan l-avveniment.