“Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa giddieb. Jaf li qed jigdeb u jibqa’ jigdeb basta jattakka lill-GWU.”
Dan spjegatu l-General Workers’ Union fi stqarrija li fiha spjegat li Simon Busuttil “qed jigdeb meta qed jiddikjaraw ċ-ċifra ta’ profitti fl-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità, u qed jigdeb meta qed jgħid li l-ħaddiema jitħaddmu b’kundizzjonijiet prekarji.” L-istqarrija issoktat tgħid li “jidher li Simon Busuttil għadu jaħseb li l-Iskema ta’ Xogħol fil-Komunità hija l-istess waħda li kienet titħaddem meta huwa kien il-viċi kap tal-PN fil-Gvern. Dakinhar dik l-iskema mhux biss kienet prekarja u umiljanti għall-ħaddiema li kienu sfurzati jaħdmu fiha.”
Il-GWU sostniet li Simon Busuttil qed jigdeb meta jgħid li l-iskema hija waħda li tħaddem bil-prekarjat u kellu kull żmien possibbli biex personalment jivverifika u ma joqgħodx fuq l-allegazzjonijiet.
“L-iskema kif inhi mħaddma llum mill-Fondazzjoni għax-Xogħol fil-Komunità qed tagħti l-ewwel u qabel kollox id-dinjità lill-ħaddiema, qed tagħti l-paga minima sħiħa flimkien ma’ allowances oħra, u l-istess ħaddiema qed jigwadanjaw mill-bonuses kollha li jingħataw lil ħaddiema kif ukoll mill-benefiċċji kollha li bi dritt u skont il-liġi huma intitolati għalihom fosthom leave u sick leave.
Fi żmien li Simon Busuttil kien viċi kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern il-ħaddiema f’din it-tip ta’ skema kienu jitħallsu 75% tal-paga minima; f’għajnejn il-liġi ma kienux ikkunsidrati bħala ħaddiema u għalhekk la kienu protetti u lanqas kienu jgawdu mill-benefiċċji bħal ħaddiema oħra bħal ma huma leave, sick leave, leave ta’ korriment u kull tip ta’ allowance oħra. Dan kien prekarjat. Fl-iskema ta’ żmien Simon Busuttil il-ħaddiema kienu sfruttati, abbużati u umiljati.” – GWU
Il-GWU temmet tgħid li meta l-Union resqet il-proposti tagħha qabel il-baġit 2017 lill-Partit Nazzjonalista l-proposta għat-tisħiħ fis-settur privat tal-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur “l-istess PN warrabha.”
“Għaldaqstant Simon Busuttil m’għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u bil-wisq anqas dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ l-istess valur. Simon Busuttil huwa giddieb u diviżiv, u qed juri minn issa b’liema mod, jekk ikun fil-gvern, irid jittratta mal-GWU.” – GWU