Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Belarus, Svietlana Tsikhanouskaya, li tinsab eżiljata, għaddiet messaġġ ta’ reżistenza għall-forzi Russi fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt plenarja fl-istess ġurnata tal-Istat tal-Unjoni.
Hi spiċċat eżiljata mill-Belarus fuq akkużi li pprovat tieħu l-poter tal-pajjiż f’idejha u formazzjonijiet ta’ ideat estremisti. B’hekk għal dawn l-aħħar tliet snin qed tmexxi l-attività politika tagħha mill-Polonja u l-Litwanja.
F’isem il-poplu tal-Belarus hi qalet kif dan ma jridx jisma’ li pajjiżhom se jkun qiegħed jingħata lill-President Russu Vladimir Putin bħala xi premju ta’ konsulazzjoni.
Fid-diskors tagħha, hi ddikjarat ukoll ix-xewqa li, sa qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena d-dieħla, jiġi ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Belarus.
B’dan il-messaġġ hi talbet l-għajnuna tal-Parlament Ewropew biex il-Belarus jikseb il-libertà. Stqarret kif il-President attwali tal-Belarus hu alleat ta’ Putin u allura ma jisħoqqlux jirrappreżenta lil pajjiżha fil-fora internazzjonali.
Fl-istess seduta, il-Parlament Ewropew adotta rapport ġdid rigward ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Belarus. B’dan ir-rapport il-Parlament Ewropew iddikjara li jagħraf l-aspirazzjonijiet tal-poplu tal-Belarus li ġejjin ukoll mill-partiti politiċi demokratiċi li jeżistu fil-pajjiż.
Fl-istess rapport, il-Membri Parlamentari Ewropej iddikjaraw b’mod kollettiv li jixtiequ aktar sanzjonijiet fil-konfront tal-Belarus fid-dawl tal-qrubija mar-Russja.
Ir-rapport ġie adottat b’erba’ mija, tlieta u ħamsin vot favur, wieħed u għoxrin kontra u erbgħin astensjoni.