Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil huwa falz. Xi ħaġa li kkonkludew il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Edward Zammit Lewis f’konferenza tal-aħbarijiet li għadha kif intemmet ftit tal-ħin ilu. Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan il-Gvern erba’ snin ilu sab li ma kienx hemm liġi tal-finanzjament tal-partiti politiki u xejn ma kien regolat.
F’dak iż-żmien il-Gvern għamel konsultazzjoni ma’ membri anke tal-Oppożizzjoni biex din il-liġi verament tirrifletti serjetà, iżda llum sirna nafu li f’dak iż-żmien li l-PN ried din il-liġi, fl-istess ħin qed joħloq skema b’irċevuti foloz biex ikisser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti fil-waqt li nieda skema ċedoli.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis, qal li Simon Busuttil għadu ma weġibx tliet domandi bażiċi minn nhar il-Ħadd li għadda, domandi li huma jekk hemmx negozjant ieħor li miegħu hemm arranġament fuq paga jew pagi?, għalfejn ma aġixxiex qabel jekk kien jaf li kien hemm kunflitt t’interess tal-Viċi Kap Mario De Marco u għaliex issa uża double standards meta f’każijiet oħra ta’ deputati Nazzjonalisti, Simon Busuttil baqa’ ma ħax azzjoni.