- Simon Busuttil ma jistax jitwemmen fuq l-għoli tal-ħajja u l-ugwaljanza fid-dħul tal-familji
Filwaqt li issa beda jitkaża li f’Jannar 2017 ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 1.7%, qed jinsa li meta kien il-Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern l-inflazzjoni f’Dicembru 2012 kienet 2.8%, f’Jannar 2013 kienet 2.4% u fi Frar 2013 kienet 1.8%. Jiġifieri f’kull xahar li kien direttament responsabbli, r-rata tal-inflazzjoni kienet dejjem aktar milli kienet f’Jannar 2017.
Simon Busuttil qed jinsa wkoll li, bħala medja, fl-aħħar tnax-il xahar li għadda ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 0.7%, filwaqt li fi Frar 2013 meta kien Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern din kienet 2.4, iktar minn tlett darbiet il-medja preżenti.
Il-Partit Laburista spjega li Busuttil illum qed jitkaża bil-prezzijiet tal-ikel li, bħala medja, fit-tnax-il xahar li għaddew kellhom inflazzjoni ta’ 2.6%. Imma ma kellux problema meta, bih bħala Viċi Kap tal-Partit fil-Gvern, l-inflazzjoni fil-prodotti tal-ikel kienet 4.8%, kważi d-doppju tar-rata preżenti.
“Anke meta jippriedka fuq l-ugwaljanza fid-dħul, Dr Busuttil ma jitwemminx,” – PL
Il-Eurostat turi li mill-2008 sal-2012 in-numru ta’ persuni li jgħixu f’sitwazzjoni ta’ material deprivation kienu żdiedu minn 17,000 għal 37,000. Dan ifisser żieda ta’ għoxrin elf persuna f’leġislatura waħda.
Aktar minn nofs din iż-żieda seħħet fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, żmien li matulu hu kien Viċi Kap tal-Partit ta’ Gvern li kien isostni li l-faqar huwa biss perċezzjoni.
L-istqarrija tal-Partit Laburista tispjega li b’kuntrast, fl-2015, pajjizna kellu tnaqqis ta’ 5,000 persuna mir-riskju ta’ faqar u esklużjoni socjali, l-ewwel tnaqqis fl-aħħar għaxar snin. Il-persuni dipendenti fuq assistenza soċjali naqsu b’terz filwaqt li illum hemm inqas minn 3,000 persuna jirreġistraw, kontra s-7,350 li ħalla warajh Simon Busuttil.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika mill-Kummissjoni Ewropea wera li bħalissa hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu ekonomiku mindu nbidlet l-amministrazzjoni, b’żieda ta’ 25% fuq l-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Il-Partit Laburista fil-Gvern ser jibqa jaħdem biex il-pajjiż ikompli jagħmel suċċess u kulħadd jimxi ‘l quddiem.