Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali tgħid kif l-Gvern innota li, filwaqt li jeżisti kunsens ġenerali f’dan il-pajjiż li l-proposta legiżlattiva għal liġi ġdida dwar il-Media hija pass fid-direzzjoni t-tajba u toffri bażi pożittiva għal iktar diskussjonijiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa iżolat fl-estremiżmu u fil-politika tal-‘le’ fuq kollox u kulħadd, sostna dan il-Ministeru.
Il-Ministeru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni, bħas-soltu, għażel li fuq dan is-suġġett ipaċpaċ għall-gallarija u jpinġi stampa mhux veritiera ta’ kollox iswed. Jekk nieħdu, per eżempju, il-proposta li r-reġistrazzjoni eżistenti ta’ isem l-edituri tal-mezzi tal-komunikazzjoni tiġi estiża għas-servizzi tal-aħbarijiet online (portals), ħadd ma jemmnu meta jgħid li din hi xi forma ta’ ċensura għaliex l-edituri tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Partit tiegħu stess ilhom reġistrati s-snin mingħajr ma ħadd qatt indaħlilhom x’jgħidu u x’jiktbu.
L-istqarrija tgħid li anzi irriżulta li diversi ġurnalisti online, inkluż dawk l-aktar kritici tal-Gvern, xtaqu li jkollhom possibilità li jirreġistraw isimhom. Min hu serju, bħall-edituri ewlenin ta’ pajjiżna u l-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin li diġà esprimew irwieħhom, jafu li din l-allegazzjoni ta’ kontrolli hija ħrafa u gidba.
Il-Gvern innota wkoll li, minflok Simon Busuttil resaq ’il quddiem bi proposti, ħa bħas-soltu attitudni distruttiva fejn irid ikisser kullħaġa pożittiva li fiha l-proposta ta’ liġi ġdida dwar l-istampa, bħat-tneħħija tal-libell kriminali, it-tneħħija tal-mandati kawtelatorji u iktar ħelsien għall-ġurnalisti.
Hu kundannabbli kif, wara li f’25 sena hu qatt m’għolla difer biex jitneħħa l-libell kriminali, issa għax se jitneħħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni se jivvota kontra wkoll. Simon Busuttil jagħmel sew jekk jisma’ il-pariri ta’ esperti li pubblikament qed jgħidu li għandu jitwarrab l-isteriżmu fieragħ u minflok isir sforz kollettiv sabiex ikollna liġi tajba dwar dan is-settur kruċjali, qalu hekk fl-istqarrija.
Temmu billi qalu li intant, il-Gvern se jibqa’ miftuħ għal suġġerimenti u kummenti għal titjib ulterjuri tal-proposta legiżlattiva.