Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, injora ittra li bgħatlu l-Prim Ministru nhar it-2 ta’ Ġunju li għadda dwar il-ħatra tal-Professur Frank Bezzina bħala Aġent President tar-Repubblika.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li għamlet referenza għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista allegat li l-Prim Ministru ma kkomunikax mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-għażla ta’ Frank Bezzina, intqal li fl-ittra tiegħu l-Prim Ministru informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kien qed jiktiblu skont l-Artiklu 49 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, biex jikkonsulta dwar il-ħsieb tiegħu dwar il-ħatra tal-Professur Bezzina.
Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni ntalab jagħti r-reazzjoni tiegħu fi żmien ġimgħa, ir-reazzjoni qatt ma ngħatat u l-ittra giet injorata. Din il-ġimgħa se jkun meħtieġ jinħatar Aġent President tar-Repubblika u l-Prim Ministru għalhekk mexxa b’din il-ħatra skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Fl-istqarrija tiegħu li għaliha rreaġixxa l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Partit Nazzjonalista allega li l-Prim Ministru Robert Abela għażel li “jwaqqaf ħesrem” il-konsultazzjoni mal-Kap tal-PN, Bernard Grech, bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni, dwar għażla importanti u fuq livell nazzjonali bħalma hi ta’ Aġent President tar-Repubblika.
Il-PN qal li l-Kap tiegħu kien ilu x-xhur li beda komunikazzjoni mal-Prim Ministru biex issir konsultazzjoni serja u effettiva dwar din il-kariga u oħrajn, u qal li l-Prim MInistru saħansitra kien wieġeb ittra tal-Kap tal-PN u wiegħdu li kien se jikkonsulta miegħu.
“Fil-verità, issa li qabad u ħabbar isem l-Aġent President il-ġdid, il-Partit Nazzjonalista jinnota kif Abela qed jagħżel li ma jikkomunikax, minkejja r-rieda tajba ta’ Bernard Grech fl-aħjar interess tan-nazzjon u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” allega l-PN minkejja l-ittra li l-Prim Ministru bgħat lil Grech fit-2 ta’ Ġunju biex jikkonsulta miegħu.