Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-kariga ta’ Avukat Ġenerali huma protetti b’liġijiet speċjali li jiggarantixxu awtonomija u indipendenza sħiħa mill-gvern tal-ġurnata. Is-sistema legali tagħna tipprovdi, fost oħrajn, li l-Avukat Ġenerali ma jistax jitneħħa mill-kariga jekk mhux bil-vot ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
Dan sabiex ikun assigurat li d-deċiżjonijiet li jieħu l-Avukat Ġenerali u l-Uffiċċju tiegħu jittieħdu mingħajr biża’ jew favuri, u b’mod kompletament distakkat mill-gvern tal-ġurnata.
Fi stqarrija l-Gvern qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaf ukoll li Dr Peter Grech ilu jservi lill-pajjiż b’mod impekkabbli u integru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għal tlieta u tletin sena, u nħatar bħala Avukat Ġenerali fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Għalhekk hu inġust għal kollox li tiġi attakkata l-integrità ta’ Dr Grech u tal-bqija tal-Uffiċċju tiegħu sempliċiment għal skopijiet ta’ politika partiġġana jew biex jiġu skorjati l-punti.
Agħar minn hekk, b’mod malizzjuż, l-Oppożizzjoni qed twaddab diversi akkużi fil-konfront tal-Avukat Ġenerali dwar ħwejjeġ li, kif taf tajjeb ferm l-Oppożizzjoni l-Avukat Ġenerali hu prekluż milli jiddefendi ruħu dwarhom minħabba impedimenti legali jew etiċi mill-iktar serji.
Biżżejjed wieħed isemmi li l-liġi li tirregola l-FIAU u li għaddiet fi żmien amministrazzjoni preċedenti tqis bħala reat mill-iktar serju li wieħed jagħti kwalsija tip ta’ informazzjoni jew ta’ spjegi dwar investigazzjonijiet li saru jew qed isiru minn dan l-Uffiċċju, spjegat l-Istqarrija.
L-Oppożizzjoni għandha taġixxi b’maturità fil-konfront tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u tieqaf timmina din l-istituzzjoni tant importanti u kruċjali għal pajjiżna. – Gvern