L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ għandu għal żjara tal-aħħar lil Mario Cutajar li se jkun qed jirtira minn Segretarju Permanenti Ewlieni fi tmiem dan ix-xahar.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku introduċa Tony Sultana li se jkun qed jassumi din il-kariga mill-1 ta’ Ġunju li ġej.
Cutajar u Sultana awguraw lill-Ispeaker Anġlu Farrugia għat-tielet ħatra konsekuttiva tiegħu bħala Speaker tal-Kamra tad-Deputati. Hu ippreżenta lill-Ispeaker il-ktieb bl-isem ‘Public Service Reforms in a Small Island State – The Case of Malta’, li jittratta dwar kif is-Servizz Pubbliku mexa ‘l quddiem f’dawn l-aħħar seba’ snin.
L-Ispeaker tal-Kamra ġie ppreżentat ukoll b’sett bolol kommemorattivi li nħarġu fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2022.
Min-naħa tiegħu l-Ispeaker Farrugia rringrazzja lis-Sur Cutajar għall-ħidma tiegħu bħala Kap tas-Servizz Pubbliku u tal-appoġġ li l-Uffiċċju tal-Ispeaker dejjem sab sabiex is-servizz parlamentari jkompli jsaħħaħ l-irwol awtonomu tiegħu. Huwa awgura lis-Sur Tony Sultana ħidma sfiqa fil-kariga li ġġib magħha tant responsabbiltà u li daqstant ieħor tista’ tissarraf f’ġid għall-poplu Malti.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ppreżentalhom il-ktieb bl-isem ‘1921 Self-Government in Malta’, li l-Uffiċċju tiegħu kkummissjona f’għeluq il-mitt sena tal-Parlament Malti.