Il-Kap Kmandant il-ġdid tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton O’Neill, iddikjara l-impenn tiegħu li tkompli l-ħidma biex jissaħħaħ ir-riżors uman tal-Forza, fl-istess waqt li dawk li jaħdmu mal-Armata jkollhom kundizzjonijiet aktar b’saħħithom.
F’karriera militari ta’ tletin sena, il-Kurunell ħadem f’diversi taqsimiet tal-Forzi Armati.
Il-professjoni tiegħu bħala bdot wasslitu biex tliet kwarti ta’ dawn id-deċenji qattagħhom fl-avjazzjoni, itajjar l-ajruplani tal-Forza.
O’Neill ħa t-tmexxija tal-Forzi Armati ta’ Malta fi żmien meta Malta ħierġa mill-pandemija, wara snin li ppreżentaw sfidi kbar lis-suldati biex jadattaw għaċ-ċirkostanzi, speċjalment fejn jidħol l-infurzar.
Il-Kurunell qal li s-suldati għamlu dak li talbet minnhom is-sitwazzjoni, minkejja d-diffikultajiet li kien hemm.
Qal, “Il-pandemija wrietna li rridu noqogħdu attenti u ma neħduhiex for granted li mhux se tolqot lilna. Kulħadd jaf x’ġara, però rridu noqogħdu attenti, speċjalment bil-crews, għax inti għandek crews li jaħdmu kuntatt veru viċin ta’ xulxin, qed ngħidu, ħamsa min-nies ġo kamra żgħira jew ajruplan jew ġo lanċa. Allura daħħalna ċerti protokolli li ġew ukoll implimentati f’Forzi oħrajn, żgħar bħal tagħna, u allura naħdmu fuq dak il-qasam.”
Il-viżjoni tiegħu għall-Forzi Armati hija msejsa fuq il-kontinwazzjoni tat-tajjeb li diġà sar, filwaqt li l-bażi ta’ kollox għandu jkun ir-riżors uman.
Qal, “Nibqgħu naħdmu biex ir-riżors uman intejbuh. In the meantime, nibqgħu naħdmu wkoll biex bħalma tjiebu l-kundizzjonijiet tas-suldati, naraw li jaħdmu f’ambjent idonju għas-suldati.”
Il-Kurunell O’Neill spjega li l-ħidma tas-suldati tvarja u hemm opportunitajiet kbar, anki barra mill-pajjiż, fosthom il-Libanu u f’operazzjonijiet tal-Frontex. Qal li hija żbaljata l-idea li suldat huwa biss tal-għassa, minkejja li dan ix-xogħol huwa importanti wkoll.
Qal, “Aħna għandna bżonn nies f’kull qasam fil-pajjiż, jekk huma tekniċi fuq l-ajruplan, fuq il-ħelikopters, jekk huma piloti jew baħħara, jew isewwu l-makkinarju li għandu x’jaqsam mal-baħar, jekk huma technicians tan-netwerk jew tas-cyber.”
Huwa semma l-iskemi differenti li jeżistu fl-armata u kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħrajn, li d-dettalji dwarhom jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku tal-armata.
Qal, “Bħalissa għandna agreements mal-MCAST fejn hemm tliet possibilitajiet ta’ sponsorships li nagħmlu aħna biex nattiraw iktar nies tekniċi lejn il-Forza, għax għandna bżonnhom.”