Quddiem l-investiment f’ambjent isbaħ fl-iskejjel, għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ingħatat biss lagħqa żebgħa.
Għall-Kelliem tiegħu fuq l-Edukazzjoni, Grech juża l-metafori.
Qal, “Il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament tkellem dwar lagħqa żebgħa għall-iskejjel. Naħseb ilkoll nifhmu t-tifsira metaforika.”
Fil-bidu ta’ sena skolastika ġdida, studenti daħlu fi skola Primarja ġdida f’Ħal Għaxaq, bi klassijiet isbaħ u riżorsi aħjar b’investiment ta’ €6 miljun.
Fir-Rabat, Malta, ukoll 400 student daħlu f’ambjent ferm aktar attrezzat li jinkludi klassijiet għall-arti u l-mużika u indoor gym.
Dan minbarra l-investiment sabiħ fin-Nadur li, flimkien mal-Prim Ministru, żaritu l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, li wkoll faħħret ix-xogħlijiet għal ambjent li jipprepara futur sabiħ għat-tfal.
Ma’ dawn, f’Santa Luċija sar investiment f’titjib ta’ faċilitajiet sportivi u sala li tant kienet meħtieġa għal din l-iskola Sekondarja.
Fil-Baġit, imbagħad, tħabbar iżjed rinnovar ta’ skejjel, fosthom anke dik Primarja f’San Ġorġ, Ħal Qormi.
Quddiem dan kollu, Justin Schembri baqa’ jinsisti mal-metafora ta’ Bernard Grech.
Schembri: “Il-Kap tal-Oppożizzjoni uża espressjoni ta’ lagħqa żebgħa b’referenza għar-rinnovar.”
Ġurnalist: “Taqbel miegħu? Taqbel miegħu?”
Schembri: “Mija fil-mija.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Justin Schembri evidentement kien urtat bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u spiċċa jqum u jxejjer idejh biex, imbagħad, sabna barra d-Dar Ċentrali u beda jfaħħar lil Lawrence Gonzi u jitkellem dwar il-passat.
Stqarr, “Aħna qegħdin nitkellmu fuq il-passat li għamilna.”
Imbagħad għalaq l-intervent tiegħu bħala l-bniedem li jrid isir Ministru.
Temm jgħid, “Ministru prospettiv jekk inkun tal-edukazzjoni.”