Il-ħidma biex is-Servizz Pubbliku jkun mgħammar bl-għodda diġitali li jeħtieġ se tkun il-prijorità tal-amministrazzjoni pubblika fis-snin li ġejjin. Dan il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni se jgawdi minnu kulħadd, kemm dawk li jieħdu s-servizz kif ukoll l-uffiċjali pubbliċi li jipprovduh.
F’avveniment li fakkar il-Jum Dinji għas-Servizzi Pubbliċi u li sar taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta fil-Palazz ta’ Sant Anton, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana spjega li d-diġitalizzazzjoni tas-Servizz Pubbliku mhijiex lussu iżda neċessità. Dan kien l-ewwel diskors li għamel Tony Sultana minn mindu ħa l-kariga.
“It-teknoloġija tinbidel, u magħha tibdel il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Nemmen li t-teknoloġija hija l-għodda li għandna bżonn biex nagħtu servizz xieraq lill-klijenti li jeħtieġu s-servizz. Dan mingħajr ma tnaqqas l-importanza tal-uffiċjal pubbliku.
Anzi, se tkun hemm għal kulħadd, għal kull grad u f’kull settur,” spjega s-Sur Sultana. Qal li, filwaqt li fl-aħħar snin is-Servizz Pubbliku ġġedded u ssaħħaħ, l-element ta’ bidla jrid jibqa’ għaddej biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-poplu Malti.
Is-Sur Sultana irrimarka li, filwaqt li Malta tiddomina l-klassifika tal-eGovernment fl-Ewropa, il-viżjoni tas-Servizz Pubbliku f’dan ir-rigward tibqa’ waħda ambizzjuża li ma tiqafx sal-forniment tas-servizz governattiv online.
“Se naħdmu biex l-esperjenza tan-nies biex jieħdu servizz tkun waħda mingħajr taħbil il-moħħ, b’soluzzjoni mingħajr dewmien u mingħajr talbiet repetuti għall-informazzjoni, bil-klijent aġġornat bil-progress matul il-proċess, fost oħrajn,” qal Tony Sultana.
Huwa radd ħajr ukoll lill-uffiċjali pubbliċi kollha għad-dedikazzjoni u l-impenn li juru fix-xogħol tagħhom. Qal li fl-inqas minn xahar kemm ilu Segrearju Permanenti Ewlieni, iltaqa’ ma’ aktar minn 500 ħaddiem. Enfasizza l-bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed, biex b’ħidma kollettiva mas-Segretarji Permanenti, kull uffiċjal pubbliku jilħaq il-potenzjal tiegħu u jikkontribwixxi għas-suċċess tas-Servizz Pubbliku.