Il-Kap Eżekuttiv tas-sottomarin Titan, Stockton Rush, injora twissijiet ta’ sigurtà li ngħataw qabel seħħet it-traġedja fl-Oċean Atlantiku li wasslet għall-mewt tal-ħames persuni abbord.
Rapporti internazzjonali saħqu li kienu bosta li wissew li l-operazzjoni bl-użu tas-sottomarin li kien jesplora l-qiegħ tal-oċean viċin il-fdalijiet tal-bastiment storiku Titanic, tpoġġi l-ħajjiet f’riskju serju. Minkejja dan, Rush injora kull parir biex jistenna li l-ewwel is-sottomarin jiġi ċċertifikat minn aġenzija indipendenti.
Kienu qalulu li qed ipoġġi industrija sħiħa f’riskju.
Fost dawk li tawh il-pariri kien hemm esperti tal-esplorazzjoni marittima, li qalulu li għandu l-istess mentalità marbuta mal-bastiment ‘Titanic’, fejn dak iż-żmien, kien irreklamat bħala l-“bastiment li ma jista’ jegħreq qatt”.
Jingħad li Rush, li kien wieħed mill-ħames passiġġieri li tilfu ħajjithom fl-implużjoni tal-istess sottomarin, kien iħossu offiż b’dawn il-pariri.
Il-missjoni ta’ Rush, li bdiet fl-2009, kienet toffri esperjenza f’baħar fond, inkluż qrib il-fdalijiet tat-Titanic, bi prezz ta’ mitejn u ħamsin elf dollaru Amerikan.