Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Philharmonic Orchestra wieġeb fil-Qorti li mhux ħati għal akkużi ta’ intralċ tal-provi b’rabta mal-każ riċenti ta’ fastidju sesswali minn uffiċjal tal-istess orkestra.
Ix-xahar li għadda l-Pulizija daħlilha rapport ta’ fastidju sesswali fil-Malta Philarmonic Orchestra. Il-każ kien ġie investigat u ngħalaq wara li l-uffiċjal li ġiet akkużat bl-abbuż ammetta.
Il-Prosekuzzjoni ppreċiżat li l-Kap Eżekuttiv, Sigmund Mifsud ta’ 49 sena, bl-ebda mod mhu akkużat b’fastidju sesswali, iżda l-akkużi jinvolvu intralċ tal-provi. Qalet li l-vittma tal-fastidju sesswali kienet ġiet inkarigata bħala l-assistenta personali ta’ Mifsud, u allegatament hu kien ipprova jwaqqafha milli titkellem fuq l-abbuż. Intqal ukoll li saret laqgħa mal-mużiċisti kollha tal-orkestra, fejn l-imputat allegatament ipprova jinfluwenzahom biex ma jitkellmux dwar il-każ.
Id-Difiża stqarret li dawn l-akkużi huma xokkanti meta wieħed jikkunsidra r-reputazzjoni rispettabbli tal-imputat li, saħqet, huwa magħruf għall-integrità tiegħu u li qatt ma xellef difru mal-ġustizzja. Ġie spjegat mid-Difiża li l-laqgħa msemmija mill-Prosekuzzjoni kienet sabiex tippreserva isem l-orkestra, u sabiex ma ssirx iktar ħsara lil din l-organizzazzjoni.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax qalet li l-akkużi tal-imputat iħollu u jorbtu ma’ xhieda li f’dan il-ħin huma impjegati tal-istess imputat.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
Reazzjoni
Fi stqarrija l-Gvern qal kif b’referenza għall-proċeduri kriminali li nbdew illum kontra l-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali Mro. Sigmund Mifsud, b’effett immedjat il-Mro. Mifsud qed jiġi sospiż b’nofs paga.
B’effett immedjat ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Pjazza Teatru Rjal Mro. Chris Muscat qed jiġi appuntat bħala Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali.
Intqal kif b’hekk Mro Muscat se jkun qed iservi bħala Aġent Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali kif ukoll Kap Eżekuttiv ta’ Pjazza Teatru Rjal.
Intant, b’referenza għal stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar il-persuna li rriżenjat mill-Orkestra Nazzjonali, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali ikkundanna l-attentat biex dan il-każ jiddawwar f’ballun politiku, hekk kif innota li m’hemmx lok għal partiġġjaniżmu politiku speċjalment fi kwistjoni ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.
Hawn ġie nnutat li l-Oppożizzjoni trid tiddeċiedi liem linja trid taqbad. Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu l-istess Oppożizzjoni qalet li hemm xi tip ta’ impunità u li wieħed jgħatti lill-ieħor, u wara li jitressqu nies il-Qorti tbiddel id-diska u tgħid li l-Ministeru naqas milli jaġixxi qabel.
Il-Ministeru qal li f’dan il-każ ittieħdu l-passi kollha neċessarji u kien hemm koperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet. Hawn intqal li l-istituzzjonijiet ħadmu u taw ir-riżultati bħalma għamel il-Gvern.
Il-Ministeru tenna li l-gvern se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-ħidma fis-setturi kulturali għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.