Kollox jinsab lest biex ftit tal-minuti oħra tibda l-prova ġenerali tal-Malta Eurovision Song Contest 2018. Lejliet dan l-avveniment tant mistenni minn bosta, il-parteċipanti jinsabu eċitati biex jagħtu wirja tajba.
Ir-rebbieħ/a t’għada se jintgħażel permezz ta’ 50% tal-vot tal-ġurija u 50% oħra mill-vot tal-pubbliku. ONE News huwa infurmat li se jkunu ħames membri tal-ġurija u allura dawn se jkollhom għaxra fil-mija kull wieħed fuq spallejhom.
Dalgħodu saret l-ewwel prova ġenerali tal-artisti jkantaw wara xulxin. Minkejja li kien hemm fejn wieħed itejjeb biex il-prodott viżiv joħroġ eċċellenti, hu mistenni li l-prova ġenerali tal-lejla tkun waħda li tipprepara sew lill-artisti.
Sadanittant il-festival se jkun preżentat minn Colin Fitz li fil-bidu se jsellem il-memorja ta’ Tony Camilleri magħruf bħala l-Bayzo. Il-Malta Eurovision 2018 se jibda bi ftuħ spettakolari permezz ta’ żfin t’Analise Ellul Dancers u żewġ vjolinisti. Dan filwaqt li l-kartolini li jintroduċu kull parteċipant se juru s-sbuħija tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Filwaqt li ONE News se jżommkom aġġornat b’dak li qed jiġri f’Ta’ Qali b’rabta mal-Malta Eurovision Song Contest 2018, wieħed jista’ jivvota fuq min jaħseb li se jirbaħ id-dritt li jirrappreżenta lil Malta f’Lisbona.