Phyllisienne Brincat inħelset minn kull akkuża kriminali fuq kummenti li kienet għamlet fuq it-televiżjoni b’rabta mad-diżabilità u d-dnub oriġinali, liema kummenti saru fuq il-programm ‘Popolin’ f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Il-Qorti qalet kif Brincat qatt ma qalet li l-persuni b’diżabilità huma frott id-dnub u li ġiet interpretata ħażin mingħajr ma tħalliet tispjega lilha nfisha sew.
Filfatt, il-Qorti qalet li Brincat ma qanqlitx mibegħda lejn persuni b’diżabilità u saret vittma ta’ stqarrija li ġiet attribwita lilha u li qatt ma qalet, fejn wara dan ma ngħatatx ċans tispjega lilha nfisha sew.
Sadanittant fuq il-midja soċjali, ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela fejn qal li wara dak li ħareġ, jidher biċ-ċar il-ħtieġa ta’ aktar riformi leġislattivi biex is-setgħa ta’ min jieħu dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet ma twassalx għal aktar inġustizzji milli rajna, fejn anke jitkissru nies innoċenti għalxejn.