Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li, għal din is-sena, l-artista internazzjonali Ingliża Becky Hill ser tkun qed tagħti spettaklu fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, fl-okkażjoni tal-festeġġjamenti tal-Ewwel tas-Sena organizzati mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li dan l-ispettaklu jifforma parti integrali mill-programm ambizzjuż ‘Il-Milied f’Għawdex’, li ħejja il-Ministeru għal Għawdex għal dan iż-żmien tas-sena. Il-Ministru Caruana innotat li dan il-programm tfassal minn tim li nħoloq apposta, u li għal dawn l-aħħar xhur ħadem bis-sħiħ biex mhux biss ħejja l-programm imma wkoll ħa ħsieb li jkun hemm l-involviment tal-istakeholders kollha f’Għawdex.
Il-Ministru Caruana qalet li wara s-suċċess miksub is-sena l-oħra, fejn għall-ewwel darba ġie ingaġġat artista ta’ fama internazzjonali biex iżżewwaq s-serata, din is-sena ukoll il-Ministeru ser jippreżenta serata bis-sehem tal-kantanta ta’ fama internazzjonali Becky Hill, fimkien ma’ DCapitals, Band, Michela & Friends, Jjoy, Mae, IVY WALLS, BennyGee u artisti oħra Għawdxin.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzjat lil dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom għal din l-inizjattiva, u awgurat lil dawk kollha li se jkunu fostna esperjenza unika, kemm għall-Milied, kif ukoll għall-Ewwel tas-Sena.