Il-kantanta Bebe Rexha tistqarr li qiegħda ssibha iebsa biex tilbes il-libsa li għandha għall-Grammy Awards tax-xahar id-dieħel, minħabba li d-disinjaturi tal-ħwejjeġ qalulha li hi “ħoxna wisq”.
Rexha li ġiet nominata għall-aħjar kantanta ġdida rrimarkat kif xi disinjaturi tal-ħwejjeġ ma jridux jiddisinjawlha ħwejjeġ minħabba li hi ta’ qies 12.
Kompliet billi qalet “Intom qed tgħidu li n-nisa tad-dinja kollha li jilbsu ħwejjeġ ta’ qies 12 mhumiex sbieħ u li huma ħoxnin, għaliex ma jistgħux jilbsu l-ħwejjeġ tagħkom”.
“Jiddispjaċini, però kelli nneħħi din l-għoqla minn fuq l-istonku. Jekk ma tħobbx il-mużika tiegħi hija ħaġa. Però tgħidux li ma tistgħux tlibbsu lil xi ħadd sempliċement għax jilbsu lbiesi ta’ ċertu qisien”.
Hi qalet li għalkemm irrimarkawla affarijiet negattivi fuq l-apparenza tagħha, hija xorta se tattendi għall-Grammy Awards.
Rexha ma semmietx min kienu dawn id-disinjaturi però l-każ tagħha mhuwiex l-uniku.