Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet eluf ta’ Maltin u turisti attendew għat-tieni edizzjoni ta’ Vernal Festival fuq żewġ iljieli bis-sehem tal-kantant Taljan NEK u l-band UB40.
Dan il-festival, li ttella’ b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, ra wkoll is-sehem ta’ diversi artisti lokali bħall-bands Red Electric u The Travellers.
Minbarra r-rispons pożittiv għal dan il-festival kemm NEK kif ukoll UB40 qassmu l-atmosfera tal-kunċerti rispettivi mal-eluf kbar ta’ segwaċi tagħhom. B’mod partikolari NEK irringrazzja wkoll lill-kantanta lokali, Emma Muscat li interpretat id-diska ‘Se Telefonando’ miegħu, filwaqt li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-kunċert li ttella’ u li skontu kien ikaraterizzat minn enerġija unika tal-udjenza preżenti.
Simili l-grupp UB40 qassmu ritratt tagħhom igawdu lil pajjiżna.
L-organizzaturi ta’ dan il-festival saħqu kif wara s-suċċess tal-aħħar edizzjoni jinsabu ħerqana li jkomplu joffru pjattaforma għal talent lokali u internazzjonali permezz ta’ avvenimenti oħra fil-ġejjieni.