Il-kunflitt fil-Partit Nazzjonalista dwar il-kannabis mhuwiex kapitlu magħluq.
Dan hekk kif numru ta’ deputati li kienu favur ir-riforma proposta mill-Gvern issa qed iħossuhom ingannati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li sa ftit ilu deher li huwa favur il-liġi proposta tant li kien qal li l-Gvern ikkupjah dwarha.
Iżda meta affaċjat mid-deputati konservattivi tal-partit huwa baxxa rasu quddiem l-establishement li poġġieh kap u kellu jibla’ id-dikjarazzjonijiet li kien għamel.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna kif wara din il-farsa, Bernard Grech qed ikun soġġett għal battuti umoristiċi li qed jitfesfsu fil-widnejn fl-imkejjen tal-istamperija. Fost l-oħrajn qed jintqal li Bernard Grech qed jitmexxa u mhux imexxi.
Iżda lil hinn mid-daħk u ċ-ċajt hemm numru ta’ deputati Nazzjonalisti li għadhom mhumiex għal kollox ċerti ta’ kif ser jivvutaw fuq din il-liġi proposta.
Fost dawk li dehru favur ir-riforma hemm id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder li kien parti mill-Working Group fi ħdan il-partit li kien qed jaħdem fuq din il-materja tal-kannabis.
Il-Maltatoday saħansitra rrappurtat kif Gouder lanqas biss mar għal-laqgħa tal-Grupp parlamentari.
Filwaqt li fl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista intqal li din il-kwistjoni hija magħluqa għaliex il-pożizzjoni ttieħdet, għal Karl Gouder jidher li d-deċiżjoni għadha mhux magħluqa.
B’kuntrast ma’ dan kien hemm id-deputat Nazzjonalista Chris Said li ġie jaqa’ u jqum jekk hux favur jew kontra l-Kap u qalilna li hu kuntent bid-deċiżjoni li ħa u li għaddiet tiegħu dwar il-kannabis.
L-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia wkoll ikkonferma li kien hemm nuqqas ta’ qbil kbir dwar il-Kannabis bil-maġġoranza tad-deputati tieħu pożizzjoni kontra Bernard Grech.
Dan filwaqt li wħud kienu skomdi jwieġbu għal farsa ta’ Grech.