Ir-Rapport Annwali tad-Droga, bħal kull sena, ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni f’kull pajjiż Ewropej fejn jidħol il-vizzju tad-droga.
Wera kif 76% fil-mija ta’ dawk li nqabdu bid-droga f’pajjiżna għamlu dan għall-użu personali tagħhom, filwaqt li l-24% fil-mija l-oħra nqabdu bi traffikar.
L-istatistika hija bbażata fuq figuri u informazzjoni miġbura fl-2015.
Meta r-rapport tkellem dwar Malta nnota li bħas-snin preċedenti, il-kannabis baqgħet l-aktar popolari fost dawk bil-vizzju tad-droga, u rrimarka wkoll kif id-drogi llegali fis-suq Malti – speċjalment il-kokaina, l-eroina u l-ecstasy huma fost l-orħos u tal-inqas kwalità fl-Ewropa.
Ir-rapport wera kif il-kokaina, traffikata l-aktar minn Spanja, tinbiegħ f’Malta għal madwar erbgħa u sittin ewro kull gramma.
L-eroina mbagħad, impurtata l-aktar mit-Turkija u l-Afrika, tinbiegħ għal sittin ewro kull gramma, u għalkemm ma nstabitx informazzjoni preċiża dwar l-ecstasy huwa stmat li din tinbiegħ għal disa’ ewro kull pinnola.
Meta din tal-aħħar tkun imqabbla ma’ prezzijiet li bihom tinbiegħ f’pajjiżi Ewropej oħra, f’The Netherlands tista’ tinstab għal inqas minn ewro; u fl-Irlanda għal madwar sittin ewro.
Statistika ppubblikata fir-Rapport uriet li l-kannabis kienet l-aktar droga maqbuda f’Malta f’dik is-sena; b’sebgħin kilo konfiskati f’mija tnejn u tletin qabda.
Meta mqabbel ma’ snin oħra jirriżulta li l-qabdiet tad-droga f’pajjiżna rduppjaw mill-elfejn u disgħa ’l hawn.
It-tieni l-aktar droga maqbuda f’pajjiżna fl-elfejn u ħmistax kienet il-kokaina – b’amonti li jlaħħqu l-wieħed u għoxrin kilo. Ħamsa iktar mis-sena ta’ qabel.
Din l-informazzjoni kollha ngħatat dwar kull pajjiż ieħor Ewropej ukoll; bir-rapport ta ħarsa lejn strateġiji nazzjonali u l-ispiża ta’ kull pajjiż bil-għan li l-vizzju tad-droga jkun dejjem aktar megħlub.