Il-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv Ingliż ma qablu xejn dwar il-kwistjoni Brexit waqt wieħed mill-ewwel dibattiti politiċi tagħhom fuq it-televiżjoni.
Mistoqsija dwar il-possibbiltà ta’ ftehim ġdid mal-Unjoni Ewropea, is-sitt kandidati għall-kariga li tħalliet vojta minn Theresa May infexxew f’argument jaħraq, fejn saħansitra wħud minnhom qalu li negozji ġodda mal-Unjoni Ewropea kapaċi jkunu diżastrużi. Argumentaw ukoll dwar jekk għandux jagħlaq il-Parlament f’Westminster sal-wieħed u tletin ta’ Ottubru li ġej, jiġifieri Jum Brexit, bil-maġġoranza tal-kandidati preżenti jattakkaw din il-proposta. Rory Stewart, li huwa wkoll il-Ministru Ingliż għall-Iżvilupp Internazzjonali qal li kien inkwetanti ferm li MP jikkunsidra li waqqaf il-Parlament għal tul ta’ żmien, għaliex hekk, il-pajjiż ma jkunx qed jirrispetta d-demokrazija.
Fost il-kandidati kollha għat-tmexxija tal-Gvern Ingliż, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u l-Commonwealth, u l-eks Sindku ta’ Londra, Boris Johnson, jidher li huwa l-preferut. Ir-rebbieħ mistenni jitħabbar fil-ġimgħat li ġejjin, b’Theresa May iżżomm il-kariga ta’ Prim Ministru sa ma’ jieħu l-ġurament il-mexxej il-ġdid.