Ftit wara li tħabbar ir-riżultat il-kandidati għall-kariga ta’ Deputat Mexxej inġabru flimkien fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn qed ikellmu lill-midja. Iktar dettalji dalwaqt.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li tħabbar ir-riżultat, Stefan Zrinzo Azzopardi rringrazzja lid-delegati kollha u stqarr li jinsab ċert li l-Parit Laburista se joħroġ iżjed b’saħħtu minn qabel. Huwa wiegħed li se jkompli jagħti l-ħidma tiegħu bil-għan li jibqa’ jkun partit ta’ suċċess.
Min-naħa tiegħu, Owen Bonnici irringrazzja lid-delegati li pparteċipaw f’din l-elezzjoni. Huwa faħħar lil Zrinzo Azzopardi li fi kliemu niżel fid-djar u t-triqat. Stqarr li ħlief kliem ta’ tifħir m’għandux dwaru. B’referenza għall-elezzjoni t’għada, Bonnici qal li jħares b’entużjażmu lejn din it-tellieqa bejn il-ħbieb.
Chris Cardona qal li l-persuna magħżula se tkun f’pożizzjoni iktar li tindirizza x-xewqat għal dawk li huma attivisti fil-Partit Laburista. Bħal Bonnici, Cardona faħħar il-kwalitajiet ta’ Zrinzo u stqarr li se jkompli jikkontribwixxi fil-Partit Laburista. Il-persuna magħżula, fi kliem Cardona, se tkun qed toħloq il-pontijiet mas-soċjetà ċivili biex il-Partit Laburista jerġa’ jkun partit rebbieħ.