Il-kandidata Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà kompliet bil-laqgħat tagħha man-nies waqt attività politika tagħha taħt it-tinda f’Ħal Qormi, bis-sehem tal-Prim Ministru Robert Abela.
L-attività fetħet b’diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, li tkellem dwar il-kwalitajiet pożittivi tal-kandidata Vella Gafà u kif hi dejjem hemm għall-Partit Laburista kemm fil-mumenti l-faċli kif ukoll f’dawk diffiċli.
Il-Prim Ministru stqarr li l-għażla hi dik li jew nibgħatu rappreżentanti li verament jemmnu fl-għajta ta’ “Malta l-Ewwel u Qabel Kollox” u qal li, f’Marija Sara, jara kandidata li għaliha Malta dejjem l-ewwel u qabel kollox.
Fid-diskors tagħha, Vella Gafà qalet li l-poplu m’għandux jinsa l-ħidma kollha li saret fl-aħħar ħdax-il sena, fl-inizjattivi u l-miżuri li ttieħdu biex issaħħew il-familji tagħna, kif issaħħew il-pensjonanti u ż-żgħażagħ.
Il-poplu għandu jiftakar li l-qgħad f’Malta llum hu fl-aktar livell baxx qatt irreġistrat, filwaqt li l-pajjiż għandu ekonomija u finanzi fis-sod, l-aqwa fl-Ewropa.
“Peter Agius lili qalli jiena rrid nkun Nazzjonalist fl-Ewropa, u jien għedtlu jiena rrid inkun Maltija fl-Ewropa. Għax aħna, għalina, Laburisti jew Nazzjonalisti, min hemm jirrapreżentana barra minn xtutna, aħna dejjem qbiżna għalih u aħna dejjem konna hemm biex għedna dak hu Malti. Ikun, min ikun. Però huma m’għamlux l-istess ma’ Tony Abela jew Leo Brincat, m’għamlux l-istess. Mill-ewwel ipprovaw jattakkaw lil Chris Fearne. Nafu eżattament x’ipprovaw jagħmlu f’Jannar li għadda, però dik mhix il-politika ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna qegħdin hemm biex nirrappreżentaw lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha.”
Hi appellat lil dawk li qed iħossu li m’għandhomx jivvotaw biex jersqu lejn il-kandidati kollha, lejn il-Partit Laburista biex jiġu mismugħa u jaraw x’inhuma l-ħtiġijiet tagħhom, bl-għajnuna kollha tingħata fejn hemm bżonn. Fuq kollox, qalet Vella Gafà, irid jiġi spjegat kemm hu importanti li l-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem f’din it-triq tal-progress u mhux jitreġġa’ l-arloġġ lura bi 11-il sena.