Il-Kandidat popolari tal-grupp lemini estrem, Calin Georgescu ġie ipprojbit milli jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali li se ssir mill-ġdid f’Mejju li ġej fir-Rumanija. Din id-deċiżjoni mill-Uffiċċju Ċentrali Elettorali, il-BEC, wasslet għall-ġlied bejn il-partitarji tiegħu u l-pulizija.
Is-sena l-oħra, l-Qorti Kostituzzjonali tar-Rumanija kienet annullat l-ewwel rawnd tal-voti li saret f’Novembru mirbuħa minn Georgescu wara li l-Intelliġenza Rumena żvelat li r-Russja kienet involuta fi 800 kont ta’ Tik Tok li ntużaw biex jagħtuh appoġġ.
Id-deċiżjoni tal-BEC kienet ikkonfermata l-Ħadd hekk kif intqal li l-kandidatura tiegħu ma’ kinitx konformi mal-liġi u li kien wettaq vjolazzjoni kontra d-dover li tiġi difiża d-demokrazija.
Iżda Georgescu ddikjara li din id-deċiżjoni kienet daqqa ta’ ħarta għad-demokrazija. Issa għandu 24 siegħa mill-verdett tal-Ħadd sabiex jissottometti appell uffiċjali fil-qorti li minn naħa tagħhom iridu jieħdu deċiżjoni fi 72 siegħa.
Gass tad-dmugħ kien sparat kontra s-segwaċi tiegħu hekk kif kien hemm konfront vjolenti bejnhom u l-pulizija hekk kif eluf inġabru quddiem l-uffiċini tal-BEC fil-belt kapitali Bukarest.
Filwaqt li ħafna dimostranti telqu minn fuq il-post, mijiet oħra baqgħu jiġġieldu mal-pulizija tal-irvellijiet li ġabu rinforzi f’attentat li jiżolaw l-akwata.
Nhar is-26 ta’ Frar Georgescu kien arrestat waqt li kien sejjer jitfa’ ismu bħala kandidat għall-elezzjoni li rriżulta f’eluf ta’ Rumeni jimmarċjaw bi protesta fit-toroq tal-kapitali. Huwa kien mixli li pprova jwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali kif ukoll li kien imsieħeb f’organizzazzjoni neo faxxista, liema akkużi ġew kollha miċħuda minnu.
Il-kandidat indipendenti li għandu 62 sena, s-sena l-oħra rebaħ l-ewwel rawnd tal-votazzjoni mingħajr ħadd qatt ma kien sama’ bih qabel l-istess riżultat kien annullat ftit jiem biss qabel it-tieni rawnd tal-votazzjoni.
Waħda mir-raġunijiet għall-popolarità tiegħu kienet il-wegħda li se jerġa jġib lura d-dinjità tar-Rumanija u jtemm is-sottomissjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li tifforma parti minnhom inkluż in-Nato u l-Unjoni Ewropea. Qabel l-annullament tar-riżultat is-sena l-oħra kien iddikjara li jekk ikun elett kien se jtemm kull appoġġ għall-Ukrajna.
Jidher li l-amministrazzjoni ta’ Trump hija favur il-kandidatura ta’ Georgescu hekk kif ix-xahar l-ieħor il-Viċi President Amerikan JD Vance akkuża lir-Rumanija li annullat l-elezzjonijiet abbażi ta’ suppożizzjonijiet mhux sostanzjati mill-Intelliġenza Rumena wara pressjoni mill-pajjiżi ġirien. Sadanittant, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Rumen Emil Hurezeanu akkuża lil Elon Musk li kien qed jinterferixxi fl-elezzjonijiet tar-Rumanija wara li l-biljunarju kiteb diversi messaġġi ta’ appoġġ favur Georgescu fuq il-midja soċjali.