Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius kien voċiferu favur il-proposta mill-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, biex l-Unjoni Ewropea tkun armata sa snienha, lesta għal kull eventwali. Tant li ma ddejjaqx jindika li lest li anke jibgħat lil uliedu għall-gwerra.
Dan ħareġ waqt dibattitu fil-programm fuq ir-Radju tal-Knisja s-Sibt filgħodu bejn il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Daniel Attard u l-istess Agius.
Il-President tal-EPP, Manfred Weber, fl-aħħar jiem iddikjara li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tkun armata anke bl-armi nukleari. Fl-istess ħin, il-proposta ta’ armata Ewropea, li tkun lesta għal kollox u tikkollabora anke man-NATO, qed tiġi imbottata kontinwament mill-President tal-Parlament Ewropew, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola.
Mistoqsi fil-programm dalgħodu mill-kandidat Laburista jekk jaqbilx mal-proposta li toħroġ mill-manifest tal-Partit Popolari Ewropew u li tiegħu jagħmel parti l-Partit Nazzjonalista, l-eks Viċi Kap Nazzjonalista ddikjara hekk…
DANIEL ATTARD: “Taqbel mal-manifest tal-Partit Popolari Ewropew, li bl-aktar mod ċar qed jitlob li, fl-immedjat, ikollna forzi armati Ewropej?”
DAVID AGIUS: “Iva”.
DANIEL ATTARD: “X’se tagħmel se tibgħat lil uliedek?”
DAVID AGIUS: “Iva”.
Din id-dikjarazzjoni tkompliet tnaqqax il-mentalità favur l-armamenti u l-gwerer li qed iħaddan il-Partit Nazzjonalista llum. Dan anke wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech innifsu wkoll esprima fehmtu favur Unjoni Ewropea armata.
Fl-istess programm, reġa’ tqajjem il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ilu ’il fuq minn sentejn jikser il-liġi billi ma jdaħħalx ir-rapporti finanzjarji u dawk tad-donazzjonaijiet li rċieva mal-Kummissjoni Elettorali.
Waqt li l-Kap tiegħu fl-istess programm qal li għadu ma jistax isib awdituri fil-pajjiż, David Agius irrepeta dak li qal il-kollega tiegħu Jerome Caruana Cilia din il-ġimgħa, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jagħlaq il-proċess ta’ awditjar marbut ma’ dawn l-obbligi.
ANDREW AZZOPARDI: “Għandu l-Partit Nazzjonalista, ir-rekords tiegħu, ipoġġihom fejn għandu jpoġġihom?”
DAVID AGIUS: “Jien diġà smajt il-Kap, fejn qal li l-affarjiet qegħdin isiru u ħa jsiru kif għandhom ikunu.”
Dwar dan il-ksur flagranti tal-liġijiet minn dawk li jippretenduha l-paladini tad-demokrazija u l-governanza t-tajba, l-istess Daniel Attard fetaħ protest fil-Qorti, flimkien ma’ kandidata oħra Laburista għall-Parlament Ewropew, Marija Sara Vella Gafà.
Mill-kontro-protest, li ppreżentat sussegwentement il-Kummissjoni Elettorali, joħroġ ċar li, fl-aħħar sentejn, intbagħtu ħames ittri ta’ twissija lill-Partit ta’ Bernard Grech, li, iżda, ilkoll ġew injorati.
Dan bil-maqlub tal-Partit Laburista u partiti l-oħrajn kollha, li għandhom il-kontijiet tagħhom pubbliċi fuq is-sit tal-Kummissjoni Elettorali.
Waqt li kompliet l-intervista tal-RTK, David Agius ukoll m’eskluda xejn mill-possibbiltà li Roberta Metsola tkun hi l-Kap tal-Partit fiż-żmien li ġej.