Il-kandidat Għawdxi għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada, żar iċ-ċentri kummerċjali ewlenin kif ukoll il-ħwienet ta’ Triq ir-Repubblika fil-Belt Victoria ta’ Għawdex, flimkien mal-kandidati Laburisti għall-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità.
Hawn tkellmu mas-sidien u l-konsumaturi dwar il-ħtiġijiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom, filwaqt li jisimgħu l-istejjer tagħhom. Bajada esprima l-importanza ta’ tali żjarat fejn qal li “hu kruċjali li aħna ninvolvu rwieħna direttament mal-komunità u nifhmu l-isfidi li qed tiffaċċja kuljum.”
Minbarra hekk, Bajada żar liż-żewġ soċjetajiet mużikali prestiġjużi tal-belt, is-Soċjetà Leone u s-Soċjetà La Stella, li joperaw it-Teatri Aurora u Astra rispettivament.
Dawn iż-żjarat servew bħala rikonoxximent tal-kontribut kulturali sinifikanti li dawn l-entitajiet jagħtu lil Victoria u lil Għawdex inġenerali.
Hawn Bajada saħaq li l-Partit Laburista se jibqa’ jkun ta’ spalla lis-soċjetajiet u l-għaqdiet volontarji biex jiġi ppriservat u promoss il-wirt kulturali li jiddefinixxi lil pajjiżna.
Is-Soċjetà Leone u s-Soċjetà La Stella esprimew l-apprezzament tagħhom għall-interess u l-appoġġ kontinwu u enfasizzaw il-bżonn ta’ aktar appoġġ biex il-kultura u l-arti jibqgħu jiffjorixxu wkoll fil-gżira Għawdxija.
Qal, “Illum, flimkien mal-kandidati tal-Kunsill Lokali tal-Partit Laburista fir-Rabat Għawdex, żorna l-istabbilimenti u l-każini fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex. Minn hemmhekk stajna nisimgħu u nitkellmu man-nies fuq l-istorja tagħhom, fuq ir-realtajiet li għaddejjin minnhom. Għax jien verament nemmen f’politika li tirrifletti tan-nies. Deċiżjonijiet li qed jitkellmu dwar dak li qed jgħaddu l-Maltin u l-Għawdxin. U aħna qegħdin hawnhekk biex nagħtu s-saħħa lill-Maltin, is-saħħa lill-Għawdxin. U għalhekk jiena nemmen li l-istorja tiegħek irrid nagħmilha tiegħi biex nirrifletti dak li inti għaddej minnu.”
Din iż-żjara għalqet fi Pjazza Indipendenza u Pjazza San Ġorġ fejn Bajada tenna l-impenn tiegħu li jkompli jaħdem qatigħ għall-interessi tar-residenti, in-negozji u l-għaqdiet tal-Belt Victoria, waqt li jfittex li jġib innovazzjonijiet u soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi tagħhom.