Il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul nieda proċess ta’ djalogu soċjali bit-tema ‘Malta: Aspirazzjoni Li Tgħaqqadna’.
Dan il-proċess infetaħ permezz ta’ konferenza nazzjonali li ġabet flimkien lill-imsieħba soċjali, żgħażagħ u pensjonanti, ekonomisti u edukaturi, sportivi u persuni b’diżabilità, NGOs u ħafna oħrajn.
Steve Ellul saħaq li hu jemmen fil-politika tal-kontenut li twassal għal għan komuni li naraw lit-tfal tagħna jkunu aħjar minna.
Hu ppropona pjan ta’ ideat konkreti għall-ekonomija u s-soċjetà t’għada, mibnija fuq kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent aktar san, f’Ewropa li taħdem għall-paċi.
“Irnexxielna nlaqqgħu magħna l-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali ta’ pajjiżna. Għaqdiet taż-żgħażagħ u anke tal-pensjonanti. Nies fin-negozji u trade unions. Kollha ddiskutejna dak li nixtiequ naraw f’Malta. L-aspirazzjoni tagħna għal pajjiżna. Kemm hu sabiħ meta jingħaqad dan il-pajjiż, għax meta jingħaqad mhux biss jirnexxielna niddiskutu, imma nwettqu affarijiet importanti.”
Steve Ellul – Kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew
Fost il-kelliema f’din il-konferenza kien hemm il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li tkun parteċipi f’dan il-proċess mniedi minn Ellul, għax, fi kliemha, hu l-politiku tal-kontenut li għandu bżonn il-pajjiż.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, David Xuereb, sejjaħ dan il-proċess ta’ djalogu dwar l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna, bħala bżonn nazzjonali.
L-intraprenditriċi Maria Micallef qalet li, minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, in-numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej tagħna hu żgħir u għalhekk importanti li kulħadd jagħti sehmu biex ikollna individwi ta’ kalibru intelletwali u li lesti jisimgħu, bħalma hu Steve Ellul.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Mariah Zammit, fissret liż-żgħażagħ bħala ġenerazzjoni li tistinka għal opportunitajiet u qalet li Malta tista’ tkun mudell għal pajjiżi oħrajn.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, tenna li l-politika tal-kontenut trid tkun kontinwa biex it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ viżjoni strateġika nazzjonali ssir flimkien mal-imsieħba soċjali.
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela, qal li pajjiżna jrid jikkompeti f’suq ħafna akbar Ewropew u għalhekk l-MEPs Maltin iridu jżommu ruħom aġġornati mal-bżonnijiet tan-negozji lokali. Abela fisser lil Steve Ellul bħala bniedem ta’ azzjoni.
Ellul tenna li din il-pjattaforma ta’ dibattitu kontinwu se tkun il-mod li bih jaħdem jekk jingħata l-fiduċja f’Ġunju li ġej, bl-impenn li jtella’ diskussjonijiet simili kull tliet xhur tul il-leġiżlatura kollha.