Il-Kandidat Laburista ghall-Parlament Ewropew Robert Micallef iffirma dikjarazzjoni li jimpenja ruħu, fil-każ li jiġi elett fil-PE f’Mejju li ġej, li jappoġġja u jippromwovi l-istabbiliment ta’ Intergrupp tal-Volontarjat fil-Parlament Ewropew. Robert Micallef ħabbar dan waqt it-trasmissjoni diretta tal-programm ‘Paper Scan fuq One TV. Robert Micallef iddikjara li l-ħolqien ta’ Intergrupp tal-Parlament Ewropew dwar il-Volontarjat u s-Solidarjetà huwa meħtieġ biex jiżgura impenn kontinwu tal-Parlament Ewropew lejn aktar żvilupp ta’ aġenda komprensiva ta’ l-UE dwar il-volontarjat.
Robert Micallef spjega fi stqarrija li kwistjoni bħall-volontarjat teħtieġ grupp uffiċjali u strutturat fil-Parlament Ewropew sabiex ikun hemm riżorsi finanzjarji li jiffaċilitaw l-attivitajiet. Robert Micallef żied jgħid li l-intergrupp se jkun qafas kruċjali biex jiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-inizjattiva ta’ l-Unjoni Ewropea li toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jivvolontarjaw jew jaħdmu fi proġetti li jibbenefikaw lill-komunitajiet madwar l-Ewropa. Fl-istqarrija tiegħu, Robert Micallef ħeġġeġ lil kandidati oħra tal-PE biex jiffirmaw il-wegħda għal Intergrupp ta’ Volontarjat u Solidarjetà fil-Parlament Ewropew.