Il-kandidat Laburista għall-PE Robert Micallef irċieva l-appoġġ tal-ex-Prim Ministru u Kap tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant. F’xandira irrekordjata mill-Parlament Ewropew f’Strasburgu, Dr Alfred Sant qal li ilu jsegwi l-interess u l-istudji ta’ Robert Micallef fil-qasam Ewropew u baqa’ jsegwi l-inizjattivi li kien jieħu matul is-snin.
Dr Alfred Sant qal li għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2004, kien hu stess li ħeġġeg lil Robert Micallef jkun kandidat tal-Partit Laburista għax il-Partit kellu bżonn ta’ rappreżentanti żgħażagħ li kienu diġà familjari ma’ kif topera l-Unjoni Ewropea.
Skond Dr Alfred Sant, matul dik il-kampanja, Robert Micallef ta mill-aħjar tiegħu b’kontribut siewi għall-maġġoranza relattiva li biha intrebħet l-elezjoni mil-Partit Laburista. Dr Alfred Sant zied jghid li, fis-snin ta’ wara, Robert Micallef baqa’ jsostni l-interess tiegħu fl-affarijiet Ewropej u fl-aħħar snin, ħa esperjenza diretta u mill-qrib tagħhom waqt li kien jaħdem fir-rappreżentanza ta’ Malta fi Brussell b’mod partikolari matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea.
Dr Sant qal li, matul dak iż-żmien, kien jiltaqa’ kemm-il darba ma Robert Micallef u seta’ jiikkonferma kemm kien baqa’ jsaħħaħ l-għarfien tiegħu dwar l-operat tal-Unjoni u dwar kif l-interess Malti jrid jiġi sostnut fi ħdan dan l-operat. Il-Kap taf-delegazjoni Maltija Dr Alfred Sant qal li din għandha tkun mira essenzjali għal kull min jaspira biex jirrappreżenta lil pajjiżna u lill-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.