Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji ppreżentat 26 proposta għall-budget għas-sena d-dieħla bil-għan li l-ekonomija tkompli tirpilja speċjalment issa li ħerġin minn żmien ta’ pandemija.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha kien hemm preżenti l-President tal-Kamra Paul Abela u l-Kap Eżekuttiv Abigal Mamo, ġie spjegat li ewlenin fost il-proposti tal-Kamra hemm l-estensjoni tal-għajnuna tal-Gvern b’rabta mal-pandemija, fosthom estensjoni tal-moratorju tal-banek, kif ukoll skemi li jgħinu n-negozju jissaħħaħ f’xenarju ta’ wara pandemija.
Dan apparti li qed jiġi propost ukoll li l-ħlas tal-Gvern fil-pagi, kirjiet u anke kontijiet tal-enerġija, jibqa’ fis-seħħ.
Il-Kamra qed tipproponi wkoll li jkun hemm skema apposta li tgħin lin-negozji jkopru spejjeż marbuta mat-tnedija ta’ sit elettroniku, kif ukoll li jitqajjem aktar għarfien dwar kif negozju jista’ jinvesti fis-sigurtà diġitali.
Dwar Għawdex il-Kamra spjegat li se tipproponi fost oħrajn skema apposta għar-rinovar ta’ bini antik, kif ukoll pakkett finanzjarju biex kumpaniji diġitali jinfetħu f’Għawdex ukoll.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji fissret ukoll l-importanza tal-iskema MicroInvest offruta mill-Malta Enterprise, fosthom bi proposta biex wieħed ikollu ħames snin ċans juża l-kreditu tat-taxxa minflok tlieta.