L-aħbar li Malta tneħħiet minn dik imsejħa bħala ‘lista l-griża’ tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja, l-FATF, kompliet iġġib aktar reazzjonijiet pożittivi mis-sħab soċjali.
Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji laqgħet din l-aħbar, li hija favur kemm pajjiżna u anki n-negozji ż-żgħar.
ONE News tkellem mal-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela.
Qal, “Bħala Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji konna sodisfatti. Ovvjament hija aħbar tajba ħafna kemm għal pajjiż u għan-negozji ż-żgħar. Aħna wkoll bħala kamra, konna parteċipi mal-Gvern biex l-istrutturi u l-affarijiet li jrid jagħmel biex aħna nkomplu nagħtu eżempju li l-affarijiet qegħdin mexjin sewwa, ipparteċipajna f’kull livell.”
Paul Abela semma kif ir-riformi fl-aħħar snin kienu kruċjali biex pajjiżna jitneħħa minn din il-lista fi żmien sena.
Qal ukoll li din l-aħbar ġiet fi żmien opportun, hekk kif pajjiżna qed jirkupra mill-pandemija.
Qal, “Issa fis-sitwazzjoni li qegħdin, qegħdin f’sitwazzjoni tajjeb li ħriġna f’mument tajjeb, peress li għandna problema oħra wara l-bieb fl-Ukrajna, li qed taffettwa l-prezzijiet fl-importazzjoni u hawn Malta m’għandniex inflazzjoni, daqskemm għandna fl-Ewropa, minħabba li l-Gvern qed jagħti ovvjament sussidju fl-elettriku u qed jagħti sussidju wkoll fejn jidħol il-qmugħ, qed infissru jiġifieri l-ħobż, li hija xi ħaġa importanti wkoll.”