Il-Kamra tal-Periti laqgħet l-aħbar b’sodisfazzjon dwar l-approvazzjoni tal-liġi dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Fi stqarrija qalet kif hija ferm sodisfatta li dan kien possibbli wara erbatax-il sena ta’ sforzi fejn il-liġi li tirregola l-professjoni tal-periti għaddiet mill-Parlament b’mod unanimu ilbieraħ filgħaxija.
Spjegat kif din il-liġi dwar il-Periti ser twassal għal modernizazzjoni tal-professjoni kif ukoll it-tisħiħ tal-irwol tal-Kamra fir-regolar tal-professjoni.
Il-Kamra tal-Periti qalet kif waħda mir-riformi ser tgħin sabiex jogħla l-livell u l-professjonalità fost il-periti, u dan għal benefiċċju tal-pubbliku u l-professjoni nnifisha.
Riforma oħra se tara distinzjoni li mistennija tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità tal-ambjent mibni u l-kwalità tal-kostruzzjoni.
Qalet kif din il-liġi ser ukoll tintroduċi Bord tal-Kondotta Professjonali tal-Periti, korp ġdid li l-Kunsill tal-Kamra ser ikun jista’ jiddelega każijiet ta’ kondotta professjonali sabiex titjieb l-effiċjenza fl-ipproċessar tagħhom u jiġi ggarantit proċess aktar mgħaġġel għall-partijiet kollha kkonċernati.