Fl-aħħar żviluppi dwar il-kwistjoni tal-Pjazza tal-Mosta, fejn il-Kunsill ġdid Nazzjonalista jrid li din titneħħa minn żona pedonali fi tmiem il-ġimgħa u terġa’ lura għat-traffiku l-ġimgħa kollha, il-Kamra tal-Periti ħeġġet biex l-interess tal-komunità jiġi l-ewwel u l-Kunsill m’għandux iċedi għal pressjonijiet kummerċjali li jiskartaw il-ġid tal-komunità.
Stqarrija b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kunsill, immexxi mis-Sindku Joe Gatt, li ressaq riżoluzzjoni biex il-Pjazza ewlenija terġa’ tinfetaħ għat-traffiku kuljum, il-Kamra tal-Periti appellat għas-sens komun.
B’hekk, Kunsill Nazzjonalista qed imur lura min deċiżjoni li kien ħa Kunsill Lokali Laburista, dak iż-żmien immexxi mis-Sindku Chris Grech, fejn kien ta lura din il-pjazza lill-Mostin u lil dawk kollha li jżuru s-Santwarju tal-Bażilika tal-Mosta mis-Sibt filgħaxija sal-għada l-Ħadd il-ġurnata kollha.
Dan jikkontradixxi bil-kbir dak li jipprietka l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech meta jittratta suġġetti kruċjali, bħalma huma miżuri favur l-ambjent u l-ispazji pubbliċi għar-residenti f’kull lokalità. Inkluż meta l-istess proġett tal-Pjazza tal-Mosta kien beda jitwettaq u nqalgħet il-kwistjoni dwar siġar li jinsabu fiha.
Il-Kamra tal-Periti enfasizzat lill-kunsillieri Mostin biex iżommu f’moħħhom il-benesseri tal-komunità u jibqgħu sodi quddiem pressjonijiet kummerċjali, li ma jridux il-kunċett ta’ żona pedonali.
Enfasizzat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għandu jiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jiġi żgurat is-suċċess tal-proġett fuq żona pedonali. Fil-fatt, intqal li bidla sinfikanti bħal din fit-tqassim urban tal-Mosta hi marbuta biex tagħti bidu għal perjodu tranżitorju fejn, maż-żmien, in-negozji lokali jkollhom bżonn jaddattaw għal bidliet fit-tip u fl-imġieba.
Il-Kamra tal-Periti esprimiet ir-rieda li timpenja ruħha mal-Kunsill Lokali biex jiġu żviluppati inizjattivi u inċentivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunità.
Ritratt: TVM