Il-Kamra tal-Periti fi stqarrija irreferiet għal studji li saru mill-istudenti ta’ l-aħħar sena tal-Fakulta’ ta’ l-Ambjent Mibni fl-2016, fejn esploraw diversi alternattivi għar-riġenerazzjoni tal-Marsa, inkluż is-sit tal-Power Station.
Il-Fakulta’ hi ta’ l-opinjoni li filwaqt li t-twaqqiegħ tal-Power Station ifisser li jkun hemm medda ta’ art li tkun tista’ takkomoda diversi użi, kemm kummerċjali u kemm ta’ natura ċivika, wieħed irid jirrikonoxxi l-valur arkitettoniku, industrijali u kulturali tal-bini nnifsu, u ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan ma jistax jiġi ppreżervat u utiliżżat biex iservi ta’ xprun għar-riġenerazzjoni taż–żona tal-madwar.
Diversi studenti tal-Fakulta’ studjaw dan is-sit fis-snin li għaddew, u pproponew diversi użi bħal Kampus ta’ l-Universita’ u użi kulturali, dejjem intiżi bħala l-qalb tar-riġenerazzjoni tal-belt tal-Marsa.
“Għaliex ma nikkunsidrawx Teatru għall-Opera, jew Teatru Filarmonika għall-Kunċerti?” staqsiet il-Kamra tal-Periti.
Fl-2016, l-istudenti pproponew diversi ideat, inkluż li jsir ċentru għar-riċerka fuq is-settur ta’ l-aquaponics, jew faċilitajiet ta’ divertiment u rilassament, inkluż ċentru għall-Performing Arts fil-mini li hemm taħt l-art. Għaliex ma nikkunsidrawx ċentru għall-arti moderna, bħalma sar fit-Tate ta’ Londra? Il-parti ta’ fuq tal-mini tista’ tiġi żviluppata f’park simili għal dawk li qegħdin isiru f’pajjiżi Ewropej li jgħaqqdu n-natura ma’ l-arti, bħal fl-ajruport antik ta’ Tempelhof f’Berlin, jew fid-distrett ta’ Norrebro f’Copenhagen. Il-kumpless kollu jista’ jsir il-qalb tal-belt rriġinerata tal-Marsa. Il-Kamra tal-Periti hi disposta li tassisti lill-Gvern biex tiġi organiżżata kompetizzjoni għall-idejat, li jkollha l-għan li tiġi rriġinerata l-Marsa.
Il-Kamra appellat biex l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar tagħmel studju komprensiv taż–żoni industrijali li huma rikki f’bini li jimmerita preżervazzjoni minħabba l-kwalita’ arkitettonika u industrijali tiegħu. Qalet li dan l-istudju għandu jsir mill-iktar fis, u l-proċeduri neċessarji biex jiġi ppreżervat il-wirt arkitettoniku u industrijali modern ta’ pajjiżna għandhom jiġu mnehdija mingħajr iktar dewmien.
Il-Kamra tal-Periti ipproponiet li jitwaqqaf kumitat konġunt bejn l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, l-Awtorita’ dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, is-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, NGOs u l-Kamra nnifisha sabiex jiġu identifikati dawk il-binjiet u żoni li jimmeritaw preżervazzjoni u riġenerazzjoni sostenibbli.
Intant ħeġġet lill-Gvern u lill-Enemalta biex iwaqqfu it-twaqqiegħ ta’ dawk il-partijiet tal-Power Station tal-Marsa li huma kkunsidrati li għadhom kwalita’ arkitettonika sinifikanti, u li jiffurmaw parti importanti mill-wirt industrijali ta’ pajjiżna.
Ritratti tal-Marsa Power Station u idejat dwar kif dan jista’ jiġi rrijabilitat għal użi ġodda. Ir-ritratti u idejat huma tal-istudenti tal-Fakulta’ dwar l-Ambjent Mibni tal-Università ta’ Malta