“L-Avviż legali li jara li l-kuntratturi f’pajjiżna jkunu liċenzjati hu pass importanti li ħa l-Gvern biex kulħadd jimxi f’direzzjoni waħda.” Din hija waħda mill-ħafna reazzjonijiet oħrajn ġejjin mill-imsieħba soċjali dwar l-ewwel liġi li bdiet tirregolarizza l-liċenzjar tal-kuntratturi fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, iddeskriviet magħna dan il-pass pożittiv u kif kienu ilhom is-snin li s-settur jiġi regolarizzat.
Qalet, “Bħala Kamra tal-Kummerċ ilna diversi snin ninsistu dwar l-importanza li s-settur tal-kostruzzjoni jiġi regolat b’mod serju u l-kuntratturi jiġu liċenzjati. Hu punt pożittiv li llum għandna liġi. Iżda rridu mmorru oltre minn hekk. Hu importanti li l-liġi tiġi inforzata, tiġi inforzata fil-ħin, fuq kulħadd, u fuq kulħadd bl-istess mod.”
Fost l-oħrajn hawnhekk ġie nnotat kif il-kuntratturi jridu josservaw kull direzzjoni maħruġa mill-perit jew minn kull persuna responsabbli bil-liġi, kif ukoll li jassiguraw li kull xogħol li jagħmlu jkun kopert b’polza ta’ assigurazzjoni valida.
Dan minbarra li kull nuqqas jew ksur ta’ liġi, min-naħa tal-kuntratturi, jista’ jwassal għas-sospensjoni jew irtirar tal-liċenzja jew multa.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, spjegalna b’mod ċar kif il-liġi l-ġdida tipproteġi b’mod aktar sigur kemm lill-ħaddiema involuti fix-xogħlijiet kif ukoll lil min qed jinvesti fl-industrija.
Qal, “Illum il-ġurnata daħlu affarijiet li qabel ma kienx hemm. Meta għandna s-setturi ekonomiċi kollha regolarizzati, kellna settur wieħed mill-kbar nett fl-ekonomija Maltija li ma kienx regolarizzat u kien hemm il-ħtieġa kbira li jkun hemm qafas regolatorju għal kulħadd. L-affarijiet li daħlu llum huma biex jipproteġu kemm lil min qed jinvesti, kemm lill-ħaddiema kif ukoll nies terzi li jmissu mas-siti tal-kostruzzjoni. Għalina kienet importanti ħafna.”