Wara l-appell tal-MHRA biex f’dan il-mument kulħadd iġib l-ewwel l-interess nazzjonali, tkellmet ukoll il-Kamra tal-Kummerċ. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li t-theddida ta’ azzjoni industrijali fl-iktar perjodu importanti għal Air Malta ma tagħmel ġustizzja għall-ebda kawża u hija meqjusa bħala waħda irresponsabbli.
Xi ħaġa li fi kliem il-Kamra tal-Kummerċ mhux biss tiparalizza l-pajjiż iżda tkun qed tirriskja mijiet ta’ impjiegi marbuta mas-settur turistiku. “Din tpoġġi wkoll f’periklu l-ekonomija,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ.
Intqal li l-Kamra tal-Kummerċ dejjem saħqet fuq l-importanza strateġika tal-Air Malta għall-pajjiż.
“Ir-relazzjoni intima bejn l-Air Malta u l-industrija tat-turiżmu hija ċara u għandu jsir minn kollox biex tkun salvagwardjata l-industrija tat-turiżmu, b’mod partikolari issa f’nofs l-istaġun,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ li tenniet kif l-Air Malta hija kruċjali għal setturi oħra, fosthom il-manifattura.
“Il-partijiet kollha involuti għandhom ipoġġu l-ewwel l-interess nazzjonali u l-interess fit-tul tal-Air Malta bħala l-uniku prijorità,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ.