Il-Kamra tal-Kummerċ nediet dokument b’numru ta’ proposti bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-governanza t-tajba u l-etika fil-ħajja pubblika. Dan id-dokument huwa simili għal dokument ieħor li ppubblikat il-Kamra tal-Kummerċ fil-bidu tal-elfejn u għoxrin.
Fost l-oħrajn, kien ġie rrakkomandat li l-irwol tal-Avukat Ġenerali ma jibqax fil-kontroll assolut tal-Prim Ministru; rakkomandazzjoni li llum il-ġurnata hija realtà.
B’mod simili, ir-rapport ta’ sentejn ilu, li kien maħsub bħala l-ewwel sett ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kamra tal-Kummerċ għall-Prim Ministru Robert Abela, kien issuġġerixxa li l-imħallfin u l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatru fl-irwol tagħhom permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Dawn ir-riformi kienu wħud mill-ewwel bidliet lejn aktar trasparenza li daħħal fis-seħħ il-Prim Ministru Robert Abela.
Fid-dokument li ġie mniedi l-Ħamis, il-Kamra tal-Kummerċ irrikonoxxiet l-avvanzi li saru b’risq it-trasparenza fil-ħajja pubblika, fosthom l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fost ir-rakkomandazzjonijiet li saru mat-tnedija tad-dokument, hemm id-dikjarazzjoni tal-assi tal-familji tal-Membri Parlamentari, u l-introduzzjoni ta’ kultura ta’ integrità u professjonaliżmu fost dawk kollha interessati li jaħdmu fil-politika.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, tkellmet dwar l-importanza tat-trasparenza, b’mod speċjali fil-ħajja pubblika, u kif dan iż-żmien huwa żmien kruċjali sabiex it-trasparenza terġa’ titpoġġa’ fuq l-aġenda nazzjonali.
Marisa Xuereb innutat li r-riformi li saru f’dawn l-aħħar snin servew ukoll bħala bażi għal aktar riformi b’risq it-trasparenza.
“Kull riforma li ssir hija pass fid-direzzjoni t-tajba, jiġifieri l-fatt li għal dawn l-aħħar erba’ snin kellna Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Istandards, kien pass importanti ’l quddiem f’din il-mixja lejn governanza dejjem aħjar. Huwa vjaġġ, jiġifieri ma naslu qatt. Fil-fatt, dejjem irridu nippruvaw intejbu fuq dak li jkollna.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, tkellmet ma’ dan l-istazzjon dwar il-kuntest ta’ dan id-dokument. Hija qalet li t-trasparenza hija kunċett li sservi ta’ pilastru għall-ħidma kollha tal-Kamra tal-Kummerċ.
“Il-kunċett ta’ governanza tajba huwa wieħed mill-ħames pilastri li fuqhom nibnu l-politika kollha tagħna u kwalunkwe xogħol ukoll li nagħmlu fl-irwol tagħna bħala Kamra tal-Kummerċ.”