Dan huwa l-ewwel pass ‘il quddiem biex jinħoloq bilanċ. Kliem il-Perit David Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ waqt laqgħa mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali fejn irrikonoxxiet il-kuraġġ li kellu l-Gvern biex jindirizza l-isfida dwar il-kirjiet protetti ta’ qabel l-elf disa’ mija, ħamsa u disgħin.
Il-Ministru Roderick Galdes stqarr li waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni l-Kamra tal-Kummerċ kienet fuq quddiem li pproponiet li jiġu indirizzati dawn il-kirjiet.
Hu tenna li li din ir-riforma se tenfasizza żewġ prijoritajiet; il-bilanċ u l-ġustizzja, apparti li se tkompli tingħata protezzjoni lil kull għandu bżonn u tassigura dħul ġust lis-sidien.
Il-Ministru Galdes qal li l-konsultazzjonijiet se jkomplu jirfinaw il-proposti biex tkompli tiżdied l-effiċjenza, jonqsu t-tilwimiet u tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-inkwilin u s-sid.
Il-Perit Xuereb qal li l-Kamra tal-Kummerċ se tkun ta’ spalla għall-Gvern biex dan il-proċess jibda mill-aktar fis possibbli.