Il-Kamra tal-Kummerċ ippreżentat id-dokument tagħha ta’ qabel il-baġit li jmiss, b’total ta’ 36 proposta li, skontha, huma prijorità assoluta.
Fost l-oħrajn, id-dokument tal-Kamra tal-Kummerċ jipproponi l-introduzzjoni ta’ ħlas għall-parkeġġi fiż-żoni urbani ċentrali, bil-flus imorru biex jintużaw għal modi sostenibbli ta’ trasport, waqt li wkoll insistiet li l-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi għandu jkun marbut ma’ kemm-il darba tintuża l-istess vettura.
Fi preżentazzjoni lill-midja, il-Kamra tal-Kummerċ qed tissuġġerixxi wkoll limitu perċentwali ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi, li kull negozju jista’ jimpjega miegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jipprovdu servizzi essenzjali jew kruċjali.
Waqt li identifikat 12-il qasam ta’ prijorità prinċipali, il-Kamra tal-Kummerċ spjegat li t-trasformazzjoni tal-mudell ekonomiku ta’ Malta jirrikjedi pjan ta’ investiment fuq diversi snin fuq l-enerġija, li jinkludi t-tneħħija gradwali tas-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl u l-fjuwils fil-pompi tal-petrol.
Dwar l-ippjanar, il-Kamra tal-Kummerċ qed titlob għal reviżjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp, waqt li tenniet li għandu jkun hemm pjan ċar għall-imwejjed u s-siġġijiet barra.
F’konferenza li fiha ġie spjegat dan id-dokument, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Chris Vassallo Cesareo, qal li l-baġit li se jiġi ppreżentat irid jindirizza dawk li sejħilhom “problemi immedjati”, anke jekk jirrikjedu deċiżjonijiet li ma jkunux popolari.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli spjegat li, ta’ kull sena, jitnieda dan id-dokument dettaljat li l-Kamra tkun tixtieq li l-politiċi kollha jaqraw u jimplimentawh.
“Fil-pre budget document li qed nippreżentaw din is-sena, tajna ħarsa lejn il-proposti kollha li għamilna matul dawn l-aħħar snin, proposti li għadhom tajbin sal-lum u erġajna pproponejnihom u tajna aktar dettall.”
F’intervista fuq ONE Radio mal-ġurnalista Shanaya Farrugia, il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd ħabbar li l-baġit għas-sena li ġejja se jkompli jsostni lill-klassi medja f’pajjiżna, partikolarment bit-twessigħ tal-faxex tat-taxxi, kif ukoll bis-sussidji tal-enerġija u l-miżura ‘Stabbiltà’, li ġabet roħs u prezzijiet stabbli f’aktar minn 450 prodott tal-ikel essenzjali minn Frar li għadda.