Il-Kamra tal-Kummerċ awgurat lill-Prim Ministru Robert Abela u lil Gvern ġdid, li ngħata mandat b’saħħtu mill-poplu Malti u Għawdxi fl-elezzjoni ġenerali tas-Sibt li għadda.
Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ awgurat kull suċċess lill-Kabinett il-ġdid maħtur mill-Prim Ministru u qalet li hija lesta li taħdem id f’id, speċjalment biex Malta timxi ’l quddiem fl-oqsma tal-enerġija u s-sostennibilità, dak diġitali, tax-xogħol, tat-turiżmu, tal-edukazzjoni u tal-governanza t-tajba fost oħrajn.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li hi lesta tkompli taħdem fuq dak li diġà nbena u nnutat b’sodisfazzjon li ċertu Ministri li ħadmet magħhom fil-leġislatura li għaddiet, ġew rikonfermati fil-Kabinett ta’ Dr Robert Abela.
Hija qed tħares li taħdem ukoll mal-Ministru l-ġdid għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u anki tal-Kummerċ, Dr Ian Borg.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet ukoll li qed tistenna l-Oppożizzjoni jkollha x-Shadow Cabinet tagħha, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jagħżel il-Kelliema għall-oqsma differenti fil-pajjiż.